Is-Senat Amerikan approva abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ċittadini Amerikani li kellhom qraba fl-attakki tal-11 ta’ Settembru jew li sofrew danni minħabba fihom, biex ifittxu lill-Arabja Sawdija għad-danni.
Liġi, magħrufa bħala l-Justice Against Sponsors of Terrorism Act (JASTA), li rrabjat ħafna lill-Arabja Sawdija u li wissiet li jekk issir liġi, hi kienet se tirtira l-investimenti li għandha fl-Istati Uniti.
Il-liġi issa trid tgħaddi mill-Kamra tar-Rappreżentanti u l-indikazzjonijiet huma li hemm ċans tajjeb li tiġi approvata. Dan peress li kemm id-Demokratiċi kif ukoll ir-Repubblikani jaqblu dwarha – xi ħaġa li rari tiġri. Imma l-President Barack Obama qal li lest juża l-poter tal-veto biex jimblukkaha milli tidħol liġi.
Imma dan wassal għal kritika li hu iżjed interessat fl-interessi Sawditi milli taċ-ċittadini Amerikani vittmi tat-terroriżmu.
Sa issa l-investigazzjonijiet li saru fl-attakki tal-11 ta’ Settembru qatt ma sabu xi rabta bejn it-terroristi u l-ogħla uffiċjali tal-Gvern Sawdita. Mid-19-il terrorista li wettqu dawk l-attakki tal-2001, 15 kienu mill-Arabja Sawdija.
Xi wħud jemmnu li f’parti sigrieta tar-rapport fl-investigazzjoni fl-attakki li ħareġ fl-2004, hemm informazzjoni dwar ir-rabta tal-Arabja Sawdija.
Barra minn hekk, is-sena li għaddiet Zacarias Moussaoui, li jinsab f’ħabs Amerikan minħabba terroriżmu, kien stqarr li prinċep mill-Arabja Sawdija kien għen fil-finanzjament tal-attakki, akkużi li l-Arabja Sawdija qed tiċħad bil-qawwa.
Is-Senat Amerikan japprova abbozz kontra s-Sawdi
