BLOGS

Tama ta’ Pajjiż

Għadu kif intemm Kunsill Ġenerali ieħor li fih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal messaġġ qawwi dwar il-ħtieġa li pajjiżna jinħeles mill-madmad tal-korruzzjoni u jaqbad miexi lejn politika differenti imsejsa fuq l-onestà. Id-diskors eċċezzjonali li bih għalaq l-aħħar sessjoni tal-Kunsill kien xhieda tax-xewqa vera li Simon Busuttil għandu sabiex jistabbilixxi differenza politika. Il-Partit Nazzjonalista telaq mit-tema ‘nagħmlu differenza’ u mexa lejn ‘politika onesta’ li meta tanalizzahom flimkien, issib li waħda ma teżistix mingħajr l-oħra. Il-politika onesta għandha ġġib il-vera differenza.

Simon Busuttil elenka li matul dawn l-aħħar tliet snin li tulhom kien Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġab bidliet interni li jistgħu jitqiesu bħala rivoluzzjonarji fis-sens tal-limitazzjoni tal-kelma. Internament il-Partit kien dgħajjef wara telfa ta’ eluf kbar ta’ nazzjonalisti. Emmen li jista’ jibda jibni mill-ġdid, u llum nistgħu ninnutaw jekk xejn, l-entużjażmu partiġġjan li jinħass fil-kamp Nazzjonalista. Lil hinn minn dak li huwa intern, il-Partit Nazzjonalista qed ikun Oppożizzjoni vera, li jniedi u jippreżenta viżjoni vera għall-ġejjieni ta’ Malta.

Ftit snin ilu, Missier Malta Ewropea tkellem dwar ‘Rebbiegħa Ġdida’, liema rebbiegħa nisslet fil-poplu l-entużjażmu li nkunu parteċipi fid-deċiżjonijiet Ewropej u li permezz tagħha llum għandna sehem politiku attiv fil-kontinent Ewropew. Sfortunatament, pajjiżna jinsab f’Ħarifa li neżżgħet il-valuri fundamentali li fuqhom Gvernijiet Nazzjonalisti konsekuttivi bnew b’fiduċja fil-poplu Malti. Għax il-politika mhijiex biss l-ekonomija. Għax jekk gvernijiet Nazzjonalisti kienu pijuniera ta’ ekonomija b’saħħitha u l-poplu ħadilhom il-mandat, illum il-Gvern Laburista li jinsab miexi fuq l-istess direzzjoni ekonomika jista’ wkoll jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-politika Maltija qiegħda titbiegħed minn dak li hu ekonomiku, għax kważi kważi sirna nistennew li kull Gvern iżommha għaddejja, imma trid ukoll tkun il-politika soċjali, morali u etika.

Minkejja din l-atmosfera politika lokali, Malta qiegħda tqum għax l-Oppożizzjoni qiegħda tissaħħaħ. Dan ir-rinaxximent politiku jeħtieġlu l-perseveranza u d-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Irid ikun il-Partit Nazzjonalista li flimkien mal-Maltin li jemmnu fil-ġejjieni sabiex tintrebaħ il-passività u mill-ġdid tinkiseb in-normalità ta’ pajjiż li għandu jkun qed jiddibatti l-ġid komuni msejjes fuq il-governanza tajba u l-viżjoni nazzjonali minflok ma jintilef jiddefendi l-għemil li jmur kontra l-etika politika quddiem pajjiżi li qed jistaqsu dwar l-iskandlu tal-Panama. U b’kull raġun.

Mingħajr dubju, il-korruzzjoni ma nistgħu naċċettawha qatt għax ixxejjen il-passat tan-nazzjon. Pajjiżna ssielet għad-dritt li jiggverna lilu nnifsu. Sa minn meta pajjiżna kien maħkum u servili, missirijietna riedu jiksbu l-governanza ta’ Malta sabiex jagħtuha l-100%. Pajjiżna ra lil uliedu jitqabdu għall-kostituzzjoni tas-Self Government, ra lil uliedu jmutu fi ħdanu għall-prinċipju sabiex finalment illum aħna Indipendenti, Ħielsa u Ewropej. Għaldaqstant huwa d-dover tal-Partit Nazzjonalista li joħroġ hemm barra u jikkonvinċi lil dawk li għandhom is-sens komun tal-politika sabiex iqumu huma wkoll u flimkien mal-Oppożizzjoni jaħdem sabiex mill-ġdid tiġi stabbilita l-politika li trodd lura, imfassla fuq il-politika onesta tal-Partit Nazzjonalista.

Inħoss li qatt daqs qabel, il-ħidma tal-Oppożizzjoni ma nbidlet f’xewqa nazzjonali hi u twassal messaġġ ta’ tama fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni. Se jasal żmien meta nerġgħu nkunu kburin li aħna lkoll Maltija, li aħna ggvernati minn Partit li jqis in-nazzjon qabel kull interess partiġġjan u populist.

Se jasal żmien meta s-simbolu ta’ għaqda nazzjonali jkun il-politika onesta li tintiseġ mal-identità tagħna.

Simon Busuttil fisser kif il-politika onesta hija konkreta, imma ma tistax tkun konkreta jekk ma tkunx sinkronizzata mat-taħbita ta’ qalbna. L-onestà hija virtù, hija valur, hija t-tama ta’ pajjiżna.

L-onestà tinkiseb biss jekk pajjiżna ma jaqta’ qalbu qatt jissielet quddiem Gvern li qed ibigħ il-wegħda li nkunu l-aqwa fl-Ewropa.

L-onestà tinkiseb biss jekk pajjiżna jieqaf quddiem Gvern li tilef kull sens fil-valutazzjoni tal-onesta, tad-diċenza u tal-etika politika.

Irid ikun il-Partit Nazzjonalista li jirsisti għal dak li huwa sewwa u ġust. Għal kull valur demokratiku nfilsat mal-valuri nazzjonali, fl-integrità nazzjonali u fl-onestà politika.

Pajjiżna għandu t-tama.

Pajjiżna għandu l-Partit Nazzjonalista.

Pajjiżna għandu Prim Ministru prospettiv f’Simon Busuttil.

Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 Distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 18 ta’ Mejju 2016.