Internazzjonali

Tinstab waħda mit-tfajliet maħtufa Chibok

Rapporti min-Niġerja indikaw li waħda mit-tfajliet li kienu nħatfu minn skola f’Chibok fl-2014 kienet instabet.
Din hi l-ewwel tifla minn fost l-276 li kienu nħatfu minn din l-iskola sentejn ilu li kienet salvata. Il-bniet kienu nħatfu minn militanti Iżlamiċi tal-Boko Haram f’April tal-2014.
It-tifla kienet identifikata bħala Amina Ali Nkek u nstabet minn grupp ta’ ġellieda fil-Foresta ta’ Sambisa qrib il-fruntiera mal-Kamerun. Jidher li hi kienet identifikata minn wieħed mill-ġellieda tal-grupp. Flimkein mat-tifla nstabet tarbija.
Iz-zona fejn instabet hi l-istess zona fejn ħafna ilhom jissuspettaw li kienu qed jinżammu.
Sorsi qalu li t-tifla kienet mill-belt ta’ Mbala, fin-Nofsinhar ta’ Chibok minn fejn kienu wkoll 25 tifla oħra li nħatfu.
Xi wħud mill-bniet li kienu nħatfu jidher li ntużaw mill-Boko haram f’attakki suwiċida filwaqt li l-oħrajn bħala skjavi tas-sess.