Lokali

Aġġornata : Raġel fil-periklu tal-mewt wara argument f’Paceville

Ritratt : Il-Post fejn seħħ l-argument li fih weġġa’ l-Kolumbjan u jinsab fil-periklu tal-mewt

Kolumbjan ta’ 37 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kmieni dalgħodu kien involut f’argument f’Paceville.

L-argument, li fih kien hemm involuti wkoll żewġ persuni oħra li l-identità tagħhom għadha mhix magħrufa, seħħ għall-ħabta tat-3am f’parapett ta’ stabbiliment tad-divertiment fi Triq San Ġorġ.

Fil-post issejħet l-Ambulanza, li ħadet lill-Kolumbjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.

Fil-post ukoll, evidenti d-diversi rqajja ta’ demm kawża tal-feriti li ġarrab il-Kolombjan, kif ukoll frak tal-ħġieġ fil-parapett tal-istabbiliment.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta.

Fost l-oħrajn, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan talbu lista tal-impjegati tal-istabbiliment li kienu xogħol matul il-lejl biex jgħinu fl-investigazzjoni.