Internazzjonali

Ajruplan Amerikan għas-sorveljanza interċettat fuq ibħra polemikużi

Il-Pentagon tal-Istati Uniti qal li żewġ ajruplani militari (fighters) taċ-Ċina interċettaw ajruplan militari tal-Amerikani li jintuża għal missjonijiet ta’ sorveljanza, waqt inċident fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar. Intant, kelliema għall-Pentagon ta’ Washington qalu li l-ajruplani Ċiniżi ‘ma ħarsux kriterji ta’ sigurtà’ waqt din l-azzjoni.

L-inċident inkwistjoni, li kien żvelat illum, jidher li seħħ fl-ispazju tal-ajru internazzjonali fis-17 ta’ Mejju li għadda. Dan waqt li l-ajruplan – jew spy plane — tal-qawwiet marittimi Amerikani kien għaddej bir-ronda, bħala rutina, fuq dik iz-zona.

Sadanittant, kelliema għall-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin ċaħdu ‘li l-ajruplani taċ-Ċina setgħu għamlu xi manuvri perikolużi’ waqt l-inċident.

Numru ta’ pajjiżi Asjatiċi, bħalissa, qed jinsistu bil-jeddijiet rispettivi fuq iz-zoni tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar li huma sinjuri fir-riżorsi. Fil-fatt, it-tensjoni fir-reġjun żdied b’mod sostanzjali, meta ċ-Ċina u l-Istati Uniti qed jakkużaw lil xulxin dwar attività militari.

Meta l-istampa Amerikana kkummentat dwar l-inċident bejn l-ajruplan tal-Istati Uniti u l-fighters taċ-Ċina, hi qalet li l-bdot Amerikan kien sfurzat li jinżel sa 60 metru biex jevita ħabta mal-ajruplani li kienu daħlu fl-ispazju tiegħu.

Madankollu, l-awtoritajiet Ċiniżi ċaħdu li dan hu minnu u sostnew li l-ajruplani tagħhom segwew l-ajruplan Amerikan li kien għaddej qrib il-Gżira ta’ Hainan ‘filwaqt li żammew distanza xierqa’. L-istess awtoritajiet fissru l-azzjonijiet tal-ajruplani Ċiniżi bħala ‘professjonali’ u qalu li l-bdoti tagħhom irrispettaw il-kriterji tas-sigurtà neċessarji.