Internazzjonali

Arrestat fl-artijiet tal-Palazz ta’ Buckingham

Raġel li xxabbat ma’ ħajt mal-periferija tal-Palazz ta’ Buckingham u daħal fl-artijiet ta’ dan il-palazz spiċċa arrestat fuq il-post mill-pulizija ta’ Londra.

Kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li r-raġel, li għandu 41 sena, inqabad ftit minuti biss wara li hu kien attiva sistema tal-allarm bil-preżenza tiegħu fl-artjiet. L-inċident partikolari seħħ tard fil-lejl tal-Erbgħa u r-raġel, li ma kienx armat, spiċċa arrestat fuq suspett li daħal f’sit protett mingħajr l-ebda awtorizzazzjoni.

Mifhum li r-Reġina Eliżabetta kienet fil-Palazz meta seħħ dan l-abbuż ta’ sigurtà.
Madankollu, kelliema għall-Palazz għamluha ċara li huma ma jikkummentaw qatt dwar is-sigurtà ‘li hi kwistjoni għall-pulizija’.

Min-naħa tiegħu, il-Kmandant Adrian Usher li jmexxi Dipartiment tal-Pulizija inkarigat mill-protezzjoni tal-Irjali, qal li hu kuntent li l-miżuri tas-sigurtà kienu effettivi f’din is-sitwazzjoni. Hu anki għamilha ċara li ‘fl-ebda ħin ma kien hemm xi livell ta’ sogru għal kwalunkwe individwu’.

Il-Palazz ta’ Buckingham, fil-passat, kien suġġett għal diversi inċidenti ta’ sigurtà, li dejjem spiċċaw b’wiċċ il-ġid.