Lokali

Brian Tonna fetaħ 4 kumpaniji sigrieti: ta’ Konrad Mizzi, ta’ Keith Schembri, ta’ uffiċjal tax-Shanghai electric u Egrant Inc

F’dak li hu wieħed mill-akbar żviluppi fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tiżvela li l-bniedem li fetaħ il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi – Brian Tonna ta’ Nexia BT – fetaħ ukoll kumpanija sigrieta għal Cheng Chen – il-bniedem li nnegozja mal-istess Mizzi u Schembri, kif ukoll ma’ Joseph Muscat, il-bejgħ tal-Enemalta. Deal ta’ 320 miljun ewro.

Dan huwa żvilupp ġdid f’dan l-iskandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni fl-istess ġurnata li The Times of Malta – partner tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi – żvelat li Konrad Mizzi qal li kien għamel 6.4 miljun ewro min-negozju privat tiegħu.

Sa ftit tas-siegħat ilu, kien magħruf li f’ġimgħa waħda, f’Lulju 2013, Brian Tonna kien fetaħ tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama: Hearnville Inc ta’ Konrad Mizzi, Tillgate Inc ta’ Keith Schembri, u Egrant li sa issa għadu mhux magħruf ta’ min hi. Issa jirriżulta li ftit tal-jiem qabel, fid-29 ta’ Mejju 2013, l-istess Brian Tonna fetaħ kumpanija oħra fil-British Virgin Islands – Torbridge Services Inc. Ta’ Cheng Chen.

Cheng Chen hu l-bniedem li kien involut fin-negozjati ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-bejgħ tal-Enemalta. Deal li jinkludi l-bejgħ tal-Power Station ta’ Delimara, kif ukoll ta’ terz tal-Enemalta. Deal li minbarra li jiswa’ 320 miljun, ħalla impatt kbir fuq il-ħaddiema tal-Enemalta.

Id-diskussjonijiet bejn Shanghai Eletric u l-Gvern Malti bdew fl-istess żmien li nfetħu l-kumpaniji sigrieti, bl-ewwel ftehim jiġi ffirmat f’Settembru 2013. L-aħħar ftehim, imbagħad, kien iffirmat f’Marzu 2014.

Tags