Il-Qorti ta’ Għawdex ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ċanfar lil mara u l-avukati tagħha li ħallewha timmanipolahom u jħallu l-pika tegħlibhom, jiftħu kawżi quddiem il-Qrati u jikkawżaw tbatija żejda lil tfajjel.
Il-Maġistrat Mifsud għamel dawn il-kummenti wara li llibera raġel mir-Rabat Għawdex li kien akkużat li f’Settembru li għadda ta daqqa ta’ ponn lil ibnu biex jikkoreġih u kkaġunalu ġrieħi ħfief. Il-każ infetaħ wara rapport mill-eks mara tiegħu.
Il-Maġistrat qal li filwaqt li ż-żwieġ tal-koppja falla, m’għandhomx iħallu dan il-fatt itellef mit-trobbija tajba ta’ binhom.
“Din il-Qorti tistenna li l-avukat parte civile jaghti direzzjoni lill-mara u mhux iħallieha tmexxieh fejn trid hi,” kompla l-Maġistrat.
Il-Qorti nnutat ukoll li din mhux l-ewwel darba li l-mara dehret quddiem il-Qorti, b’avukati differenti fejn kienet akkużata li ċaħdet l-aċċess ta’ binhom lill-eks raġel tagħha. “Din il-Qorti mhux se tħalli li tiġi użata minn xi ħadd għal kwalunkwe aġenda li jista’ jkollhom”. Ir-raġel kien liberat minħabba nuqqas ta’ provi.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Edel Mary Camilleri. L-Avukat William Cuschieri deher parte civile għall-mara filwaqt li l-Avukat Mario Scerri deher għall-akkużat.
//= $special ?>