Internazzjonali

Għexieren ta’ vittmi tal-valangi fis-Sri Lanka

Truppi fis-Sri Lanka, fl-aħħar sigħat, stinkaw kemm felħu biex isibu għexieren ta’ nies irrappurtati nieqsa wara li valangi tat-tajn radmu talanqas żewġ villaġġi.

Ir-rapporti inizjali indikaw madwar 20 mejtin f’din it-traġedja, iżda l-Armata tas-Sri Lanka taħseb li l-mejtin fit-traġedja setgħu qabżu sew il-130.

Il-militar kien qed iħaffer qalb munzelli kbar tat-tajn meta naqsu t-tamiet li jinstabu l-ħajjin f’dik iz-zona li tinsab f’reġjun tas-Sri Lanka iddominat mill-muntanji. Il-valangi kienu dovuti għall-ħalbiet kbar tax-xita li laqtu l-pajjiż fl-aħħar jiem u li rriżultaw ukoll f’għargħar qawwi f’diversi bnadi tas-Sri Lanka.

S’issa it-truppi salvaw madwar 150 persuna minn inħawi fid-distrett ta’ Kegalle, li ġarrab l-agħar effetti tal-elementi. Dan meta l-militar kien qed itella dejjem aktar katavri minn taħt it-tajn. Fl-istess ħin, il-maltemp qed itellef kontinwament l-isforzi tal-Armata biex tilħaq lin-nies li spiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata wara l-valangi tat-tajn u l-għargħar. Intant, kważi 350,000 persuna spiċċaw jgħixu ta’ refuġjati minħabba ċ-ċirkustanzi.