Lokali

Il-Gvern għandu jippubblika immedjatament il-ftehim mal-Alitalia

B’referenza għal dak li ġie rrappurtat li qal direttur tal-Alitalia, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jispjega hux minnu li l-Alitalia mhi se tagħmel ebda investiment biex takkwista nofs l-ishma tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.

Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Claudio Grech, il-PN jisħaq li għall-ħaddiema tal-Air Malta, dawk kollha li jaħdmu u joperaw fis-settur tat-turiżmu u l-familji tagħhom, l-Air Malta għandha valur ħafna aktar minn żero u żgur li kummenti bħal dawn minn azzjonist prospettiv ma jawgurawx tajjeb.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi fl-aħħar jiem irrispetta bis-sħiħ il-kunfidenzjalità li talab il-Gvern sakemm jitpoġġa l-Memorandum of Understanding fuq il-Mejda tal-Kamra l-ġimgħa d-dieħla.

Iżda ġaladarba l-Alitalia ħasset li għandha titkellem dwar aspetti kummerċjali tal-ftehim, il-Gvern għandu jippubblikah minnufih.