Internazzjonali

L-AĦĦAR ŻVILUPPI: Il-każ tal-ajruplan tal-EgyptAir jista’ anke jkun terroriżmu

Kelliema għal-linja tal-ajru EgyptAir ikkonfermaw, ftit minuti ilu, li nstabu l-fdalijiet tal-ajruplan Airbus tal-linja li ġġarraf, dalgħodu, fil-Mediterran waqt titjira minn Pariġi lejn il-Kajr.

Skont ir-rapporti, il-fdalijiet kienu indikati qrib il-gżira ta’ Karpathos u l-EgyptAir, fi stqarrija, qalet li l-konferma ġejja mill-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin li wassal il-messaġġ lill-Ministeru għall-Avvjazzjoni Ċivili tal-Eġittu.

egyptair tweet

Ajruplan tal-linja EgyptAir, li telaq minn Parigi matul il-lejl għeb minn fuq ir-radar, bil-biża’ li seta’ iġġarraf fil-Mediterran. Skont uffiċjali tal-EgyptAir, abbord l-ajruplan kien hemm madwar 66 passiġġier u 10 membri tal-ekwipaġġ. Fortunatament, ma jirriżulta li kien hemm l-ebda Malti abbord.

L-aħħar rapporti jindikaw li l-pilota tal-ajruplan saħansitra għamel sejħa ta’ emerġenza. Il-Ministru Eġizzjan responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili ma eskludiex li l-każ jista’ saħansitra jkun relatat ma’ terroriżmu. Min-naħa tiegħu, il-President Franċiż Francois Hollande kkonferma li l-ajruplan iġġarraf.

Il-qraba ta’ dawk abbord għadhom qed jistennew informazzjoni dwar x’ġara eżatt, hekk kif l-awtoritajiet fi Franza taw bidu għal investigazzjoni fl-Ajruport ta’ Charles de Gaulle. Din l-istorja traġika taf il-bidu tagħha f’dan l-Ajruport, minfejn ilbieraħ tard filgħaxija telqet it-titjira, iddestinata għall-kapitali Eġizzjana.

Iżda hekk kif l-ajruplan qabeż l-ispazju tal-ajru Grieg, għall-ħabta tas-2.30am ħin f’Malta, hu għib minn fuq ir-radar minkejja li f’dak il-ħin il-kundizzjonijiet tat-temp kienu perfetti. L-awtoritajiet Griegi qalu li skont l-aħħar movimenti li għandhom rekordjati, jidher li l-Egyptair kien qed jagħmel manuvri strambi u niżel ‘l isfel f’daqqa wara li dar fuqu innifsu dawra mejt.

Sadanittant, fl-Ajruport tal-Kajr inġabru numru ta’ qraba tal-persuni li kienu fuq din it-titjira, akkumpanjati minn numru ta’ tobba u diversi tradutturi. Fi Franza ukoll, l-awtoritajiet qed isegwu mill-qrib l-aħħar żviluppi.

EGYPTAIR FLIGHT RADAR 24