Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi jgħid li kellu dħul personali ta’ €6.4 miljun qabel ma laħaq Ministru tliet snin ilu. Madankollu, dawn l-ammonti ma jidhru mkien fid-Dikjarazzjoni tal-Assi li Mizzi ppreżenta ta’ kull sena fil-Parlament.
Dan ħareġ mill-korrispondenza li Nexia BT, li ħadet ħsieb tipprepara kollox lill-Ministru Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għal Trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama, bagħtet biex jinħoloq it-Trust innifsu.
Il-ġurnal The Times of Malta llum kompla jiżvela aktar korrispondenza b’email bejn Nexia BT u l-organizzazzjoni fi New Zealand responsabbli mill-ħolqien tat-Trust. Il-korrispondenza turi kif il-kumpanija fi New Zealand damet diversi ġimgħat tistaqsi minfejn ġew il-finanzi li kellhom jintefgħu fit-Trust.
F’email partikolari, is-sieħeb ewlieni f’Nexia BT Karl Cini ddikjara li Konrad Mizzi kien wieħed mis-sħab fil-kumpanija internazzjonali Pcubed, li tieħu ħsieb it-twettieq ta’ proġetti. Kien hawn li Cini ddikjara li fil-professjoni tiegħu, Konrad Mizzi kien għamel dħul personali ta’ 5 miljun Sterlina (€6.4 miljun).
Iżda skont id-Dikjarazzjoni tal-Assi ppreżentata ftit tal-jiem ilu fil-Parlament, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi ddikjara li għandu biss ftit anqas minn €390,000 depożitati f’Banek. Barra minhekk, hu kien qal li t-Trust fi New Zealand kien se jintuża’ biss biex jipproteġi l-propjetà li l-Familja Mizzi għandha f’Londra u kirjiet li jiġu minnha.
Barra minhekk, meta faqqa’ l-każ tliet xhur ilu, il-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri kienu ddikjaraw li se jesponu ruħhom għal proċess ta’ awditjar. Madankollu, sal-lum għadna ma smajna xejn dwar dan l-awditjar. Madankollu, kull meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jgħid li l-proċess ta’ awditjar għadu għaddej.
//= $special ?>