Sfortunatament, bl-avvenimenti u skandli li ħakmu lil pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, il-politika u l-mod kif il-poplu jħares lejn il-politiċi ħadu daqqa l-isfel. F’Malta, il-politika hi xi ħaġa ta’ kuljum, mhux neċessarjament għax tkun ġejja elezzjoni, il-Malti xorta jitkellem fuq il-politika, iżda l-iskandli ripetuti f’dawn l-aħħar tliet snin, b’politiċi ewlenin ikunu fiċ-ċentri ta’ dawn l-iskandli, il-poplu qed iħossu urtat, iddispjaċut u kultant rassenjat li l-politika mhi xejn ħlief logħba maħmuġa fejn min jiflaħ iħawwel u l-poplu jiġi sekondarju.
Ngħiduha kif inhi, b’dak li ġara f’dawn l-aħħar tliet snin, ma tagħti tort lil ħadd jirraġuna hekk. L-aġir ta’ dan il-Gvern għamel ħsara kbira lil Malta bħala pajjiż, iżda qed itappan il-futur ta’ pajjiżna minħabba l-impatt li l-aġir tiegħu kellu fuq il-perċezzjoni li għandhom in-nies lejn il-politiċi. Meta n-nies qed iħarsu lejn il-politiku mhux qed jaraw bniedem li jmexxi l-pajjiż, iżda bniedem li qed juża l-pajjiż għall-gwadann tiegħu – din hi l-ħsara li għamel lil pajjiżna dan il-Gvern.
Dan ifisser li pajjiżna se jsibha diffiċli biex nies validi jidħlu fix-xena politika. Ifisser li pajjiżna se jsibha diffiċli biex in-nies hemm barra jkollhom fiduċja fil-politika u fil-politiċi. Ifisser li l-impatt ta’ dawn l-iskandli, pajjiżna se jkompli jkaxarhom għas-snin li ġejjin.
X’jaħsbu n-nies?
Ħafna jsaqsuni, imma hemm daqshekk ħmieġ għaddej, kif dħalt fil-politika? Mistoqsija validissima li tirrifletti wkoll dak li n-nies illum saru jaħsbu dwar ix-xena politika. Ir-risposta hi waħda sempliċi – dħalt fix-xena politika għax nemmen f’politika onesta u din hi l-politika li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Partit Simon Busuttil.
Dħalt għax nemmen li l-politiku jista’ jkun influwenti biex tittejjeb il-ħajja tan-nies, għax il-politiku jista’ jkun ir-rappreżentant tan-nies, għax il-politiku mhux Konrad Mizzi jew Joseph Muscat – il-politiku hu dak li permezz tal-politika jrid jara l-pajjiż miexi ’l quddiem u n-nies igawdu bil-ġid ikun komuni u mhux jaħdem għall-interess ta’ individwi. Dik hi l-viżjoni tiegħi għal dik li għandha tkun il-politika.
Illum taħt Gvern Laburista, il-politika hi waħda differenti. Il-politika llum hi ta’ individwi li ġew fdati bit-tmexxija ta’ pajjiżna iżda bi tradiment lejn min eleġġiehom qed jaraw kif jagħmlu biex jakkwistaw u jgawdu huma filwaqt li lil min hu qiegħad, lill-pensjonant, lill-fqir, lill-poplu, iħalluh jitħabat mal-ħajja minflok jgħinuh igawdiha. Iżda l-politika hi wkoll dik li jħaddan il-Partit Nazzjonalista, il-politika hi dik li tiskrutinja x-xogħol ta’ dan il-Gvern, li tara li l-affarijiet jimxu sew, li l-ħażin tikxfu u fejn hemm bżonn tieħu azzjoni toħodha – din hi l-politika li tixraq lil dan il-pajjiż, politika li ġġib lura l-integrità tal-politiku u l-lealtà lejn il-pajjiż u l-elettorat li eleġġih.
Il-politika għandha tkun waħda mibnija fuq l-onestà u l-valuri tal-integrità fix-xogħol, rispett lejn l-elettorat u lealtà lejn il-pajjiż. Din hi l-politika onesta li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>