Lokali

Sid ta’ dgħajsa fl-Imsida jweġġa’ wara daqqa ta’ bieba li ngħalqet fuqu bir-riħ

Sid ta’ dgħajsa mtella’ fuq l-art għat-tiswija fl-Imsida weġġa’ wara li ntlaqat minn bieba kbira tad-dgħajsa tiegħu stess waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fuqha.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 11.45am fi Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, fejn minn informazzjoni mill-post miksuba minn NETnews.com.mt, jirriżulta li s-sid qala’ daqqa qawwija f’dahru wara li l-bieba ngħalqet fuqu kawża tar-riħ.

Dan wassal biex ir-raġel, li għandu 33 sena u hu minn San Ġwann, ħassu ħażin waqt li ngħata l-ewwel għajnuna minn persuni li nzertaw kienu fil-qrib.

Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Biex jitniżżel minn fuq id-dgħajsa, kellhom jissejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar għal aktar kura, iżda l-kundizzjoni tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa. Madankollu, ma jidhirx li sofra xi feriti serji.

Incident Dghajsa Msida 190516