Il-Qorti tal-Appell Kriminali reġġgħet lura sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u lliberat spettur tad-Dipartiment tal-Konsumatur minn akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ firem. Fil-fatt hemm possibilita’ kbira li r-reat twettaq minn ħaddieħor bil-għan li l-akkużat, illum l-appellant, jinstab ħati ta’ reat.
Fl-2011, Alexander Zammit kien instab ħati li ffalsifika firem ta’ sidien ta’ ħwienet li suppost kien spezzjona bħala parti mix-xogħol tiegħu li jivverifika l-prezzijiet ta’ diversi oġġetti għall-bejgħ. Hu kien ikkundannat għal sena ħabs sospiża għal sentejn u interdizzjoni ġenerali perpetwa.
Fl-Appell tiegħu, Zammit argumenta li hu jingħata ħlas fiss li ma jiddependix kemm jispezzjona ħwienet u għaldaqstant ma kellu ebda interess li jiffalsifika firem biex juri li spezzjona xi ħwienet meta fir-realta’ ma jkun spezzjona xejn.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef David Scicluna, eżaminat numru ta’ firem li suppost saru minn sidien ta’ ħwienet spezzjonati u jidher ċar li dawn saru mill-istess id, li madanakollu, ma taqbilx mal-firma u kalligrafija ta’ Zammit. Kienu nnutati ukoll diskrepanzi iżgħar f’ċertu sinjali bħal dati li jindikaw li tniżżlu minn terzi persuni u mhux minn Zammit.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-akkużi kontra Alexander Zammit ma kienux ippruvati mingħajr dubju raġjonevoli u lliberatu minn kull ħtija u piena.
Alexander Zammit kien assistit mill-Avukati Michael Tanti Dougall u Mario Calleja
Sadanittant, persuna oħra mistennija titressaq quddiem il-Qorti akkużata bl-istess reati fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>