It-Tatari tal-Krimea sfidaw it-Tmexxija tar-Russja biex ifakkru d-deportazzjoni ta’ eluf tal-antenati tagħhom mill-Krimea, li seħħet 72 sena ilu, taħt l-eksdittatur Sovjetiku Josef Stalin. Id-dimostrazzjoni saret minkejja li l-awtoritajiet Russi jipprojbixxu r-rallies spontanji fil-Krimea li jfakkru l-vittmi ta’ din id-deportazzjoni storika.
Il-penisola tal-Krimea, li tmiss mal-Baħar l-Iswed u li tgawdi rikonoxximent internazzjonali bħala territorju tal-Ukrajna, spiċċat annessa mal-Federazzjoni tar-Russja f’Marzu tal-2014 wara intervent militari tar-Russi fil-Krimea.
L-istorja traġika tal-komunità tat-Tatari tal-Krimea qed tingħata mill-ġdid attenzjoni fuq livell internazzjonali wara li l-kantanta, Jamala, li hi membru ta’ dik il-komunità, rebħet il-Festival tal-Eurovision bil-kanzunetta 1944 li titratta dak li għaddew minnu ħutha t-Tatari, fosthom nannitha.
Isem il-kanzunetta, li rrappreżentat lill-Ukrajna, tirreferi għas-sena meta saru d-deportazzjonijiet, xhur qabel tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Intant, ir-rebħa ta’ Jamala fil-Eurovision xejn ma niżlet tajjeb mar-Russi, fost akkużi li t-tim Ukren għall-Eurovision ma żammx mar-regoli tal-konkors li ma jippermettux il-messaġġi politiċi.
It-300,000 Tatari tal-Krimea, illum, huma fost l-akbar kritiċi tad-deċiżjoni ta’ Moska biex il-penisola tagħhom tingħaqad mar-Russja.
Id-dimostrazzjonijiet li fakkru u onoraw id-deportazzjonijiet storiċi saru fil-kapitali reġjonali Simferopol u bliet oħra tal-Krimea, b’folol ta’ sostenituri, fl-Ukrajna, josservaw perjodi ta’ skiet, b’tifkira ta’ dan l-anniversarju.
//= $special ?>