Internazzjonali

It-Turkija: Alleat ta’ Erdogan innominat bħala Prim Ministru

Il-Partit Iżlamiku AK fit-Turkija għażel lil Binali Yildirim bħala l-kandidat għat-tmexxija tiegħu. Dan wara r-riżenja ta’ Ahmet Davutoglu minn Prim Ministru wara li hu oġġezzjona għall-impenn tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, biex isaħħaħ il-poter.

Yildirim, li bħalissa hu Ministru tat-Trasport, hu kollaboratur kbir ta’ Erdogan, li, min-naħa tiegħu, kien qed ifittex għal Prim Ministru ‘aktar orjentat mal-politika tiegħu’. Fil-fatt, Yildirim, waqt diskors, qal li hu għandu jaħdem ‘f’armonja totali’ mal-President tat-Turkija u mal-livelli kollha tal-Partit Iżlamiku fil-Gvern.

Binali Yildirim, li għandu 60 sena, ikun ikkonfermat bħala Kap ġdid tal-AK waqt kungress tal-partit straordinarju li jsir nhar il-Ħadd. Il-Kap tal-Partit Iżlamiku jassumi awtomatikament ir-rwol ta’ Prim Ministru tat-Turkija.