Internazzjonali

Franza: Suspettat terrorista tal-ISIS jibqa’ sieket il-qorti

It-terrorista suspettat b’konnessjoni mal-attakki terroristiċi ta’ Novembru, f’Pariġi, deher il-qorti fil-kapitali Franċiża għall-ewwel interrogazzjoni mill-maġistrati li qed jinvestigaw il-każ. Intant, is-suspettat, Salah Abdeslam, insista bid-dritt li jibqa’ sieket quddiem il-maġistrati u l-avukat tiegħu, Frank Berton, ikkonferma, wara s-smigħ, ‘li l-klijent tiegħu ma kellu xejn xi jgħid’.

Jaħsbu li Abdeslam kellu rwol importanti fl-ippjanar tal-attakki koordinati ta’ Novembru mill-ISIS fuq bnadi ta’ Pariġi li ħallew 130 mejtin u għexieren ta’ midruba.
Is-smigħ, fil-Palais de Justice (Palazz tal-Ġustizzja), fil-qalba ta’ Pariġi, ma kienx miftuħ għall-pubbliku, bis-suspettat jitressaq il-qorti taħt sigurtà kbira.

Fil-preżent, Salah Abdeslam qed jinżamm fil-ħabs ta’ Fleury-Merogis li jipprovdi sigurtà massima u li jinsab ftit ‘il barra minn Pariġi.

Sadanittant, l-avukat Merton qal li Abdeslam hu ‘partikolarment imdejjaq’ bil-fatt li, meta jkun fiċ-ċella, hu qed ikun issorveljat il-ħin kollu b’videocamera. Merton kompla li ‘dan il-fatt ma jgħinx biex il-klijent jikkoopera mal-proċeduri legali’, iżda avukati oħra li jirrappreżentaw il-qraba tal-vittmi tat-terrur ta’ Novembru jinsistu li Abdeslam għandu dover morali biex jgħin lill-awtoritajiet ġudizzjarji.

Is-sistema tal-ġustizzja inkwiżitorja ta’ Franza tesiġi li l-maġistrati huma responsabbli biex jinvestigaw każi u jinterrogaw lis-suspettati qabel kwalunkwe proċess bil-qorti.

Salah Abdeslam qed ikun investigat dwar akkużi ta’ omiċidju relatati għat-terrur u attentati fuq il-ħajja tan-nies. Is-suspettat terrorista, li spiċċa arrestat fi Brussell wara xhur jiżgiċċa lill-pulizija, kien ittrasferit lejn Franza proprju x-xahar li għadda.