Lokali

Il-bejgħ tal-Enemalta u l-Power Station ta’ Delimara b’xamma tinten ta’ korruzzjoni

Il-PN jinsisti għal investigazzjoni wara li l-istess persuna li fetaħ kumpanija sigrieta għal negozjatur tax-Shanghai Electric fetaħ ukoll il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri

B’dak żvelat fis-siegħat li għaddew, il-bejgħ tal-Enemalta u l-Power Station ta’ Delimara huwa mifni f’xamma tinten ta’ korruzzjoni. B’dak żvelat, li 24 siegħa wara għadu ma ġiex miċħud, Joseph Muscat ma baqagħlu ebda triq oħra ħlief li hu, Keith Schembri u Konrad Mizzi jitilqu ‘l barra mill-aktar fis possibbli.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie spjegat kif l-istess bniedem li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għal Keith Schembri u Konrad Mizzi, ftit tal-jiem qabel kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands għal Cheng Chen, il-bniedem li f’isem Shanghai Electric, innegozja ma’ Muscat, Mizzi u Schembri l-bejgħ tal-Enemalta u l-Power Station ta’ Delimara, liema deal laħħaq is-somma ta’ €320 miljun.

Jason Azzopardi qal li b’dak żvelat fis-siegħat li għaddew, il-Pulizija għandha minnufih, tiffriża l-assi kollha ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. “Huwa ċar li dan kollu kien ġie ppjanat minn qabel l-elezzjoni ġenerali, tant li dawn il-proċessi bdew eżatt wara li Keith Schembri sar Chief of Staff tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi sar Ministru tal-Enerġija,” qal Jason Azzopardi.

Hu sostna li issa, aktar minn qatt qabel, Joseph Muscat għandu jgħid pubblikament ta’ min hi t-tielet kumpanija Egrant Inc, li sa issa, mill-erba’ kumpaniji li ġew żvelati, għadna ma nafux ta’ min hi. It-tliet kumpaniji l-oħra huma ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi, u Cheng Chen.

Minn naħa tagħha, x-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli sostniet li issa qed isir aktar magħruf x’kienet il-veru raġuni wara l-bejgħ tal-Enemalta u l-Power Station ta’ Delimara. “Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li hemm xi ħaġa tinten f’dan id-deal ladarba l-Gvern baqa’ ma ppubblikax il-kuntratti u dan sar kollu a skapitu tal-ħaddiema , li ħlief għal dawk tal-qalba, marru għall-agħar, jew agħar u agħar spiċċaw kellhom jitilqu mill-Enemalta,” qalet Marthese Portelli.

Hi sostniet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilu mis-6 ta’ Marzu li għadda – jiġifieri 10 ġimgħat – li sejjaħ għal investigazzjoni tal-kuntratti kollha li għamlu Keith Schembri u Konrad Mizzi, fosthom dawk tal-bejgħ tal-Enemalta u l-Power Station ta’ Delimara. Hi sostniet li issa, aktar minn qatt qabel, għandha ssir din l-investigazzjoni fid-dettall u mingħajr aktar dewmien.

Marthese Portelli staqsiet ukoll fejn qegħdin is-€6.4 miljun li Konrad Mizzi qal li għandu u minn fejn ġew. Hi staqsiet ukoll jekk Joseph Muscat jafx b’dawn is-€6 miljuni, u jekk kienx jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu fin-negozju flimkien fil-bejgħ tat-tyres użati, fir-riċiklaġġ taż-żibel u fir-remote gaming.

Marthese Portelli temmet tgħid li issa aktar minn qatt qabel, l-uniku għażla li għandhom quddiemhom Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, huma li jitilqu ‘l barra mill-politika minnufih.

Aġġornata

Intant, b’reazzjoni għal din l-istorja, il-Gvern fi stqarrija qal li se jkun qed jieħu passi ta’ libell fil-konfront tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess stqarija, il-Gvern qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jistrieħ fuq “gideb li ġie ċċirkolat bil-għan li jnaqqas mir-reputazzjoni tal-Gvern”, iżda imkien ma qal jekk hux se jkun qed jieħu passi ta’ libell fil-konfront ta’ min iċċirkola dak li l-Gvern sejjaħ bħala ‘gideb’.