Ambjent Għawdex Kultura Lokali

Il-Katidral ta’ Għawdex “qed jesplora diversi possibilitajiet” biex ma jibnix parkeġġ flok dar antika

Il-Katidral ta’ Għawdex qal li qed jesplora “diversi possibilitajiet” biex proġett propost għall-parkeġġ qrib il-Katidral ikun jista’ jitħalla mingħajr ma titwaqqa’ dar antika.

Bħala parti mill-proġett, kien hemm propost li titwaqqa’ dar antika fi Triq il-Kastell fir-Rabat li nbniet fis-snin ħamsin. Jekk id-dar titwaqqa’ biex tagħmel il-wisa’ għal parkeġġ, tinżamm biss il-faċċata, f’proġett li qajjem kontroversja minħabba l-valur arkitettoniku tad-dar.

Iżda l-Katidral qal, fl-istqarrija tiegħu, li qed jesplora possibilitajiet oħra biex id-dar ma titwaqqax. Il-Kapitlu żied li għandu r-rieda tajba biex isib soluzzjoni fl-aħjar interess tal-membri tiegħu, li ilhom imwiegħdin il-faċilitajiet tal-parkeġġ.

Fl-aħħar ġimgħat saret ukoll petizzjoni biex id-dar ma titwaqqax, b’ħafna jisħqu li din hija l-unika dar iddisinjata minn Ġuże Damato, il-perit li ddisinja l-Knisja tax-Xewkija u ta’ Raħal Ġdid.

Iżda l-Kapitlu irrimarka li “l-kritika u l-oppożizzjoni kontra dan il-proġett mhux dejjem kienu preċiżi u veritiera” partikolarment għall-fatt li d-dar hi pjanta oriġinali tal-Perit Oscar Rizzo b’alterazzjonijiet aktar tardivi tal-Perit Joseph Refalo. “Il-pjanta ftit li xejn tista’ titqies bħala xi patrimonju straordinarju ta’ Ġuże Damato kif imsostni ripetutament għal skopijiet sensazzjonali” temm jgħid il-Kapitlu tal-Katidral.