Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, huwa ‘shareholder’ f’kumpanija f’Ċipru tan-negozjant Pierre Sladden, liema kumpanija alegatament intużat mill-istess Sladden biex iċaqlaq €900,000 f’kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands.
Dan ġie rappurtat mill-ġurnal ‘The Malta Independent’ li għandu aċċess għad-dokumenti kollha tal-Panama Papers.
Ir-rapport ikompli jiżvela dettalji dwar din il-kumpanija Ċiprijotta. Il-kumpanija tan-negozjant Pierre Sladden f’Ċipru jisimha ‘A2Z Consulta’ u s-sidien tagħha huma tlett kumpaniji fil-British Virgin Islands li l-propjetarji tagħhom huma n-negozjant Pierre Sladden innifsu, Keith Schembri u l-eks Direttur tal-grupp ‘Allied’ Adrian Hillman.
Pierre Sladden qed jiġi investigat mill-awtoritajiet f’Malta dwar it-taxxi wara li sar magħruf li allegatament ċaqlaq €900,000 lejn kumpanija fil-British Virgin Islands filwaqt li Adrian Hillman irriżenja minn Direttur tal-grupp ‘Allied’ wara allegazzjonijiet ta’ tixħim mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
The Malta Independent tirrapporta li skont ir-Reġistru tal-Kumpaniji f’Ċipru, l-aħħar trasferiment ta’ ‘shares’ fil-kumpanija ‘A2Z Consulta’ sar fil-15 ta’ Lulju 2013, jiġifieri Keith Schembri (permezz ta’ kumpanija tiegħu fil-British Virgin Islands) sar wieħed mis-sidien ta’ ‘A2Z Consulta’ wara li nħatar Chief of Staff tal-Prim Ministru.
//= $special ?>

