Internazzjonali

L-għajbien tal-ajruplan Egyptair: Rapporti dwar ‘fdalijiet fil-Mediterran’

Uffiċjali tal-Eġittu qalu li nstabu fdalijiet tal-ajruplan tal-Egyptair li għeb nhar il-Ħamis waqt titjira minn Pariġi lejn il-Kajr, b’66 persuna abbord. Ingħad li ammont ta’ ‘partijiet, fdalijiet ta’ nies u proprjetà ta’ passiġġieri’ instabu fil-Mediterran, xi 290 kilometru ‘il hinn minn Lixandra.

Numru ta’ taqsimiet militari mill-Greċja, l-Eġittu, Franza u r-Renju Unit qegħdin jieħdu sehem fit-tfittxija għall-ajruplan f’zona ta’ baħar qrib il-gżira Griega ta’ Karpathos.

Waqt li rrankat it-tfittxija għal Titjira MS804 tal-Egyptair, satelliti għall-Aġenzija tal-Ispazju raw roqgħa żejt fiz-zona fejn jaħsbu li għeb l-ajruplan iżda r-rapporti qalu li ma kienx hemm garanzija li din kienet ġejja mill-ajruplan proprju.

Kien ittamat li jinstabu l-kaxxi s-suwed (flight recorders) tal-Airbus li kien telaq mill-kapitali Franċiża, bl-uffiċjali involuti fit-tfittxija jgħidu li d-data inkwistjoni għandha tixħet dawl fuq l-aħħar mumenti tal-ajruplan. L-ewwel rapporti wara l-għajbien qalu li l-Airbus kien għamel sensiela ta’ manuvri strambi, fost indikazzjonijiet li hu, imbagħad, niżel direttament għal ġol-baħar wara li ntilef kull kuntatt miegħu.

Il-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al Sisi, tkellem dwar l-inċident bl-ajruplan fejn esprima niket profond għal dak li seħħ. Dan meta l-Eġittu semma l-probabbiltà akbar li l-ajruplan twaqqa’ waqt azzjoni terroristika minflok inqered b’kaġun ta’ xi difett tekniku.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Marc Ayrault, qal, li, għalissa, ‘ma kien hemm assolutament l-ebda indikazzjoni’ għalfejn l-ajruplan kellu jgħaddi minn dan l-inċident.

L-investigazzjoni fi Franza qed tikkonċentra fuq jekk setax seħħ xi abbuż fis-sistema tas-sigurtà fl-ajruport Charles de Gaulle, ta’ Pariġi, minfejn kien telaq l-Airbus.

Wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi, uħud fost il-ħaddiema tal-ajruport inkwistjoni kellhom il-permess għal security clearance irtirat minħabba l-inkwiet dwar xi rabta potenzjali ma’ estremisti Iżlamiċi. Dan meta magħruf li l-militanti Iżlamiċi riedu ‘jirreklutaw staff tal-ajruport għal xi kawża qattiela’.

Il-Vatikan qal li l-Papa Franġisku esprima solidarjetà mal-President tal-Eġittu kif ukoll mal-qraba tan-nies kollha li kienu fuq l-ajruplan. Il-Kap tal-Kattoliċi anki bagħat messaġġ ta’ inkoraġġiment lil dawk kollha involuti fit-tfittxija għall-Airbus.