Internazzjonali

Sħana rekord fl-Indja….It-temperaturi jlaħħqu mal-51C

Il-belt ta’ Phalodi, fl-Istat Indjan ta’ Rajasthan, qalb id-deżert, irreġistrat sħana rekord għal kull żmien, meta l-Indja, bħalissa, tinsab maħkuma minn mewġa tas-sħana terribbli.

Is-sħana f’Phalodi kienet irreġistrata mal-51 grad Celsius, li hi l-ogħla mindu bdew jinżammu r-rekords; b’dan il-fenomenu jkun ikkonfermat mill-uffiċċju meteoroloġiku.
Ir-rekord preċedenti għall-akbar sħana kien irreġistrat fl-1956, meta t-temperaturi kienu qabżu għal 50.6 gradi Celsius.

Il-mewġa tas-sħana li, fl-aħħar ġimgħat, iddominat reġjuni sħaħ lejn it-Tramuntana tal-Indja, qed toħloq il-problemi sostanzjali. Dan meta t-temperaturi fl-ibnadi ilhom ‘il ġimgħat ‘il fuq minn 40 gradi Celsius.

Il-ġimgħat ta’ qabel l-istaġun tal-monsoon, fl-Indja, huma dejjem karatterizzati bis-sħana. Iżda t-temperaturi li qabżu l-50 grad mhux talli qed jipperikolaw il-ħajja iżda jitqiesu bħala ‘fenomenu mhux tas-soltu’.