L-ewwel President mara tat-Tajwan ħadet il-ġurament fil-kapitali Tajpej fejn, fl-ewwel kummenti tagħha, sejħet għal djalogu pożittiv bejn pajjiżha u ċ-Ċina.
Il-President Tsai Ing-wen kienet mexxiet il-Partit Demokratiku Progressiv lejn rebħa kbira fl-elezzjonijiet ta’ Jannar, meta dan il-partit hu tradizzjonalment dispost favur indipendenza miċ-Ċina, li għad għandha l-mijiet tal-missili puntati lejn it-Tajwan.
Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża u l-Gvern ta’ Beijing, fil-passat, hedded li hu lest biex jieħu lura din il-gżira Stat bil-forza, f’każ li jkun neċessarju.
Tsai Ing-wen, li għandha 59 sena, ħadet il-ġurament quddiem il-bandiera nazzjonali, imbagħad hi u Ma Ying-jeou, li kien qed jispiċċa minn President, ħarġu jxejjru lill-folol li kienu qed jaraw iċ-ċerimonja fuq screens li ttellgħu barra l-bini tal-Presidenza.
Fid-diskors inawgurali tagħha, Tsai qalet li t-Tajwaniżi wrew impenn għad-difiża tal-ħelsien u d-demokrazija tagħhom waqt li sostniet il-ħtieġa ‘li huma jippromwovu relazzjonijiet stabbli u paċifiċi maċ-Ċina, fejn il-ġirien jinsew id-differenzi tal-passat u jidħlu fi djalogu pożittiv’. Iżda d-diskors mhux mistenni jissodisfa lil Beijing li ma jridx jinnegozja dwar ‘l-unifikazzjoni eventwali’ tat-Tajwan maċ-Ċina.
//= $special ?>