Internazzjonali

Tinħeles ‘it-tieni tifla’ minn idejn il-Boko Haram fin-Niġerja

L-Armata tan-Niġerja qalet li nstabet it-tieni tifla tal-iskola li kienet ma’ aktar minn 200 tfajla li fl-2014 inħatfu mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram, waqt rejd fuq skola sekondarja, fil-belt ta’ Chibok.

L-aħbar ingħatat jumejn wara li nħelset tifla oħra li kienet ma’ dawk it-tfajliet tal-iskola u li jisimha Amina Ali Nkeki.

Madankollu, il-kelliema għall-ġenituri tat-tfajliet ta’ Chibok xeħtu dubju fuq l-aħħar rapporti tal-Armata meta qalu li ‘it-tieni tifla’, li ssemmiet bħala Serah Luka, mhix imniżżla fuq il-listi tal-familji li għandhom lil uliedhom irrappurtati nieqsa.

Ir-rappreżentanti tal-grupp tal-familji li tilfu t-tfajliet lill-Boko Haram spjegaw li r-rekords tagħhom ma kenux jaqblu mad-dettalji pprovduti mill-Armata. Iżda l-militar Niġerjan, imbagħad, wieġeb li Serah Luka kienet fost grupp ta’ xi 100 mara u tfal li sfaw meħlusin, jiem ilu, mis-suldati fl-artijiet lejn il-Grigal tan-Niġerja.

L-osservaturi qalu, intant, li l-konfużjoni dwar l-identità ‘tat-tieni tifla’ tista’ tkun dovuta għad-diffikultajiet li qed ixekklu l-konferma mingħand il-ġenituri tagħha. Dan meta ħafna mill-ġenituri tat-tfajliet ta’ Chibok maħtufa huma mifruxin madwar zoni remoti tan-Niġerja, fejn hemm ftit li xejn aċċess għall-Internet.

Il-militanti tal-Boko Haram, fl-aħħar snin, ħatfu eluf ta’ tfajliet u bniet, u dan jikkonfermawh il-gruppi favur id-drittijiet umani.

Sadanittant, hu minnu li l-Armata tan-Niġerja, fil-passat ħarġet stqarrijiet żbaljati dwar ‘ħelsien ta’ tfajliet fl-inċident ta’ Chibok’.

B’kollox għad fadal xi 218-il tfajla neqsin mill-assedju tal-2014 fuq l-iskola ta’ Chibok, b’Amina Ali Nkeki, issa, tinforma lill-kapijiet tal-komunità ta’ Chibok li ‘mietu talanqas sitta fost it-tfajliet maħtufa’. Intant, Amina qalet ukoll li ‘il-bqija tat-tfajliet tal-iskola għadhom fil-foresta ta’ Sambisa’ fejn hi nstabet ftit taż-żmien ilu.