Internazzjonali

It-Turkija: Vot kontroversjali li jneħħi l-immunità ta’ deputati parlamentari

Il-Parlament Tork approva, waqt vot, abbozz ta’ liġi kontroversjali li tippermetti biex id-deputati ma jibqgħux koperti bl-immunità għall-prosekuzzjoni.

Id-Deputati Parlamentari li huma favorevolment disposti għall-Kurdi fissru dan il-pass mill-Assemblea bħala, effettivament, ‘miżura għat-tkeċċija tal-membri tal-Oppożizzjoni mill-Parlament’.

Il-miżura speċifika tidher immirata b’mod speċifiku għall-Partit tal-Poplu Demokratiku (HDP) favur il-Kurdi, kif ukoll għall-Partit tal-Poplu Repubblikan tat-Turkija (CHP) li hu l-entità ewlenija fl-Oppożizzjoni.

It-Turkija, illum, qed tmexxi offensiva kontra l-militanti Kurdi tal-grupp PKK li hu akkużat bħala organizzazzjoni terroristika. Mindu ntemm ftehim għall-waqfien mill-ġlied, fl-2015, il-konflitt il-ġdid bejn Ankara u l-PKK issarraf f’mijiet ta’ mejtin fuq iż-żewġ naħat.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, sejjaħ biex id-Deputati Parlamentari ‘pro-Kurdi’ jiffaċċjaw akkużi ta’ terroriżmu u l-abbozz kontroversjali jista’ jwitti t-triq għal din l-eventwalità. Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Parlament Tork, Ismail Kahraman, qal li l-abbozz se jgħaddi bħala liġi direttament, mingħajr ma jitressaq għal referendum.