Internazzjonali

Approvata l-estradizzjoni ta’ ‘El Chapo’ lejn l-Istati Uniti

Il-Gvern tal-Messiku approva l-estradizzjoni tal-baruni tad-droga, Joaquin ‘El Chapo’ Guzman, lejn l-Istati Uniti, fejn irid iwieġeb għal akkużi dwar omiċidju, u traffikar tad-droga. Il-prosekuturi federali fl-Istati Uniti anki qed jakkużaw lil ‘El Chapo’ dwar ħasil ta’ flus u pussess ta’ armamenti.

Intant, l-avukati tal-baruni tad-droga qalu li għandhom jappellaw mid-deċiżjoni tal-Gvern Messikan, b’dan ifisser li l-proċess jista’ jkaxkar għal xhur.

Joaquin ‘El Chapo’ Guzman kien reġa’ inqabad, f’Jannar li għadda, proprju sitt xhur wara li hu kien uża mina biex jaħrab minn ħabs għall-priġunieri li qed jinżammu taħt sigurtà massima.

L-awtoritajiet Messikani, fl-aħħar jiem, ittrasferewh lejn ħabs fi Ciudad Juarez, qrib il-fruntiera tal-Istati Uniti, iżda huma ċaħdu li din kienet miżura inizjali ‘ta’ qabel l-estradizzjoni’. Dan meta l-belt ta’ Ciudad Juarez tinsab faċċata ta’ El Paso, fl-Istat Amerikan ta’ Texas, man-naħa l-oħra tal-fruntiera.