Numru ta’ żgħażagħ li jiffurmaw parti mill-grupp ‘Vegan Malta’ dalgħodu ngħaqdu fil-Belt Valletta biex iqajjmu kuxjenza dwar dak li jissejjaħ ‘veganism’, jiġifieri stil ta’ ħajja li jeskludi għal kollox ikel jew prodotti li jkunu ġejjin mill-annimali.
Il-grupp ta’ attivisti mhuwiex kbir u jikkonsisti f’madwar 20 persuna, madanakollu, l-għanijiet tal-grupp huma kbar. Chris Borg tkellem ma’ NETnews.com.mt f’isem il-grupp, li spjega li ‘Vegan Malta’ għandha l-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja ‘vegan’ f’attivismu kontra l-krudelta’ tal-annimali.
Waqt l-attivita’ ta’ dalgħodu, l-attivisti qattgħu ammont konsiderevoli ta’ ħin bilwieqfa b’laptops biex juru d-dokumentarju ‘Earthlings’ li juri r-realta’ ta’ biċċeriji u postijiet oħra fejn ikun hemm moħqrija tal-annimali.
Min ikun ‘vegan’ ma jiekol xejn li għandu x’jaqsam mal-annimali: minn laħam innifsu, sa’ ħut, sa’ għasel u prodotti tal-ħalib. “Fil-verita’, ladarba tirrealizza r-realta’ x’inhi, issibha aktar faċli biex taddatta għal dan l-istil ta’ ħajja” spjega Chris Borg.
Chris Borg spjega li l-ħxejjex u l-ikel l-ieħor li mhux ġejjin mil-annimali fihom in-nutrijenti kollha li l-bniedem jeħtieġ biex jgħix ħajja sana.
//= $special ?>

