L-Ispeaker Anġlu Farrugia sejjaħ laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra għal aktar tard waranofsinar wara li ma kienx hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar l-aġenda tal-Parlament għall-ġimgħa d-dieħla.
Wara komunikazzjoni li kien hemm bejn il-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra, jirriżulta li l-Gvern qiegħed jinsisti li f’ġurnata waħda nhar l-Erbgħa li ġej irid jiddibatti kemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li qed tikkontesta r-ruling tal-Ispeaker dwar il-mozzjoni li ressqet Marlene Farrugia li kellha tinbidel u ma tibqax kontra Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, kif ukoll il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia.
Nhar it-Tlieta tal-ġimħa l-oħra, l-Ispeaker m’aċċettax mozzjoni ta’ ċensura kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li ressqet id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia. L-Ispeaker iddikjara li l-mozzjoni ma setgħetx titressaq kontra Keith Schembri iżda kontra l-Ministru responsabbli mill-ħatra ta’ Keith Shembri, f’dan il-każ il-Prim Ministru.
L-Oppożizzjoni kkontestat din id-deċiżjoni tal-Ispeaker u qed tisħaq li din il-mozzjoni hi simili għal dik li kienet ġiet diskussa fil-leġiżlatura li għaddiet u li kienet tressqet mill-Parti Laburista dakinhar fl-Oppożizzjoni, kontra Richard Cachia Caruana, bħala r-Rappreżentant ta’ Malta fl-UE.
L-Oppożizzjoni qed titlob li jkun hemm dibattiti fi ġranet differenti fuq iż-żewġ mozzjonijiet.
Il-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li bejn għada u l-Erbgħa mistenni jkun imsiefer, hu mistenni li jiltaqa’ aktar tard illum fl-4pm.
//= $special ?>