Ambjent Lokali

Il-kaċċaturi jappellaw għal waqfien temporanju tal-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa fid-dawl ta’ azzjoni imminenti mill-UE

Ritratt mill-Arkivji

L-Għada Kaċċaturi San Umberto u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) appellaw lill-Gvern biex jiddikkjara moratorju volontarju fuq il-kaċċa għall-gamiem. Bil-mortaroju, iż-żewġ għaqdiet tal-kaċċaturi qed jitolbu lill-Gvern biex, b’mod temporanju, iwaqqaf il-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa.

L-FKNK spjegat din il-pożizzjoni f’Konferenza tal-Aħbarijiet fejn qalet li qed tappella lil Gvern biex jagħmel dan fid-dawl ta’ passi imminenti li l-Kummissjoni Ewropea se tieħu kontra Malta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.

L-għaqdiet tal-kaċċaturi qalu li qed jappellaw lill-Gvern biex jimponi moratorju temporanju sakemm ikun hemm provi xjentifiċi li kaċċa limitata tal-gamiem fir-rebbiegħa hija sostenibbli. Dan peress li Malta tista’ titlef id-dritt li tapplika d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa darba għal dejjem jekk titlef xi kawża quddiem il-Qorti Ewropea li tista’ tiftaħ il-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-gamiema bħala speċi vulnerabbli.

Intant, fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, Birdlife Malta qalet li l-FKNK ġiet fi kliem il-Birdlife li fakkret li hi dejjem ibbażat l-argumenti tagħha fuq il-fatti. Fost dawn, żiedet il-Birdlife, hemm il-fatt li l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni poġġiet il-gamiema fuq il-lista ta’ speċi vulnerabbli minħabba t-tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tagħha fl-aħħar snin.

“L-FKNK ġiet fi kliem il-Birdlife u issa qed tipproponi li l-Gvern Malti japplika l-moratorju fuq il-kaċċa għall-gamiem fir-rebbiegħa” qalet il-Birdlife li żiedet li “dan ifisser li filwaqt li qabel kien jingħad li mhux veru li l-gamiema tinsab fil-periklu, issa l-FKNK qed taċċetta li dan l-għasfur jinsab fi stat vulnerabbli”.

Birdlife Malta temmet tgħid li tilqa’ d-dikjarazzjoni tal-FKNK minkejja li l-Gvern messu ilu li ta widen lill-fatti xjentifiċi u għamel moratorju fuq il-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħha.