“Huwa inaċċettabbli li l-Gvern irid jiċċensura lill-Oppożizzjoni”. Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco sostna dan waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li matulha kien diskuss meta għandhom jiġu dibattuti żewġ mozzjonijiet fil-Parlament li għandhom x’jaqsmu mal-iskandlu tal-Panama.
Kienet id-Deputat Marlene Farrugia li ressqet mozzjoni ta’ ċensura kontra Keith Schembri, liema mozzjoni ma’ kinitx aċċettata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li baqa’ jinsisti li m’għandux jaċċettaha f’ruling li ta nhar l-Erbgħa li għadda. Dan wassal biex id-Deputat Marlene Farrugia emendat il-mozzjoni ta’ ċensura biex saret mozzjoni kontra Joseph Muscat, bl-Oppożizzjoni tgħid li kienet se tappella mir-ruling tal-Ispeaker.
B’hekk, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra kellu jiġi deċiż meta se ssir id-diskussjoni dwar ir-ruling tal-Ispeaker u meta se ssir id-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ ċensura mressqa minn Marlene Farrugia, bil-Gvern jibqa’ jopponi li jkun hemm erbat ijiem bejn diskussjoni oħra.
Waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol Parlamentari, il-Deputati tal-Oppożizzjoni pproponew li nhar l-Erbgħa li ġej issir id-diskussjoni dwar ir-ruling tal-Ispeaker filwaqt li t-Tnejn ta’ wara, jiġifieri fl-ewwel seduta Parlamentari li jkun imiss, issir id-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ ċensura mressqa mid-Deputat Marlene Farrugia. Din il-proposta sabet l-appoġġ tad-Deputat Marlene Farrugia nnifisha.
Iżda l-Gvern baqa’ jinsisti sal-aħħar tal-laqgħa li ż-żewġ diskussjonijiet isiru f’tempt ta’ 24 siegħa, jiġifieri nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li ġej rispettivament.
Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco staqsa x’inhi l-problema min-naħa tal-Gvern li nhar l-Erbgħa li ġej issir id-diskussjoni dwar ir-ruling tal-Ispeaker filwaqt li t-Tnejn ta’ wara ssir id-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia. Żied li din il-proposta hija waħda raġonevoli bil-għan li kull Deputat ikun preparat kif suppost għaż-żewġ dibattiti.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Marlene Farrugia qalet li huwa surreali l-mod kif il-Gvern qed jirrifjuta li jagħti biżżejjed ċans bejn dibattitu u ieħor f’kwistjoni ta’ portata nazzjonali. “Għandu jkun hemm żmien biżżejjed bejn iż-żewġ diskussjonijiet kif wieħed jistenna minn Parlament demokratiku u tan-nies. M’għandux ikun Parlament li sempliċiment jagħmel timbru” żiedet Marlene Farrugia fl-oppożizzjoni tagħha li ż-żewġ diskussjonijiet isiru t-Tlieta u l-Erbgħa rispettivament. ”
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius tenna l-ħtieġa li l-Gvern jikkopera mal-Oppożizzjoni jekk irid isib l-appoġġ tagħha. Żied li f’dan il-każ, il-Gvern qed jiġbed lejh biss.
Peress li sal-aħħar tal-laqgħa ma ntlaħaqx qbil dwar kif għandha tkun l-aġenda tal-Kamra tad-Deputati għall-jiem li ġejjin, issa jmiss li x-xogħol tal-Kamra timxi bix-xogħol tagħha ġurnata b’ġurnata.
//= $special ?>

