Il-Ġeneral Khalifa Haftar, li jmexxi l-qawwiet tal-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana eletta, li għandha s-sede tagħha f’Tobruk, għamilha ċara li hu mhux lest jaħdem mal-Gvern ġdid Libjan għall-Għaqda Nazzjonali.
Haftar qal li se jibqa’ jżomm din il-pożizzjoni dment li ma jxoljux il-gruppi tal-milizzji li qegħdin jappoġġjawh dan il-Gvern għall-għaqda, li jgawdi s-sostenn tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali hu mmexxi mill-Prim Ministru Fayez al-Sarraj u Haftar spjega li l-entitajiet Libjani li hu affiljat magħhom, fil-preżent, m’għandhom l-ebda relazzjoni ma’ Sarraj.
Il-Ġeneral kompla, waqt intervista mal-istazzjon tal-aħbarijiet Franċiż, iTele, li ‘ma jagħmilx sens li xi ħadd jippretendi li hu jista’ jaħdem ma’ dawk il-gruppi’. Fl-istess ħin, Haftar sostna li l-qawwiet tiegħu ‘mhumiex ‘il bogħod’ milli jeqirdu t-terroristi tal-ISIS li huma bbażati f’Sirte, iżda ammetta li ‘dan irid jieħu ftit taż-żmien’.
Il-Ġeneral Hafter spjega li l-qawwiet li jmexxi qegħdin jikkonfrontaw b’suċċess lill-ISIS li qed jipprova jieħu kontroll tal-Armata u sezzjonijiet tas-sigurtà fil-Libja. Intant, hu għamilha ċara li ‘jeliminaw lill-ISIS aktar malajr li kieku l-komunità internazzjonali tagħtih l-appoġġ dovut waqt li tneħħi l-embargo tal-armi li hi imposta fuq pajjiżu.’
Ftit tal-jiem ilu, konferenza internazzjonali li ltaqgħet fl-Awstrija u li inkludiet il-pajjiżi-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bid-dritt għall-veto, ċaħdet għal sitwazzjoni fejn l-armamenti jkunu permessi li jgħaddu speċifikament f’idejn il-qawwiet ta’ Haftar.
Waqt l-intervista, Haftar qal li l-ISIS mhux it-theddida li jistgħu jaħsbu xi wħud u li ‘it-terroristi m’għandhomx il-kapaċità biex ilaħħqu mal-qawwiet armati Libjani.’
//= $special ?>