Lokali

Jitfakkar il-Jum Ewropew għall-Obeżità

Hekk kif illum qed jitfakkar il-Jum Ewropew għall-Obeżità, l-Partit Nazzjonalista jieħu l-opportunità biex itenni l-impenn tiegħu għal politika li twassal għal ħajja aktar sana.

Aktar kmieni din is-sena, l-Parlament approva liġi mfassla u mressqa mill-Oppożizzjoni, permezz tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar. Il-Liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx, hija eżempju ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista kapaċi jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

Biex wieħed jindirizza din l-isfida, hemm bżonn a whole society approach, jiġifieri minn qabel it-twelid tal-persuna sal-perjodu tal-anzjanità. L-akbar investiment għandu jkun fuq l-eżerċizzju fiżiku fil-livelli kollha tal-qasam edukattiv ta’ pajjiżna, miżuri anke mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll azzjonijiet immirati għal ikel xieraq u eżerċizzju fid-djar tal-anzjani u ċentri ta’ matul il-jum. Wieħed mill-punti tal-liġi mressqa mill-Oppożizzjoni jitratta wkoll l-istil ta’ ħajja sana fl-iskejjel, inkluż l-ikel li jiġi kkunsmat kif ukoll l-eżerċizzju.

Filwaqt li jinsisti mal-Gvern biex din il-liġi tiġi attwata, l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jassigura li l-isfida tal-obeżità tingħeleb b’policies b’saħħithom u l-aqwa instrumenti għall-poplu Malti u Għawdxi.