Internazzjonali

L-ebda konklużjonijiet fissi dwar it-traġedja tal-Egyptair

Esperti u analisti qalu li għadu kmieni wisq biex wieħed jinterpreta u jifhem il-kawża tal-inċident ta’ nhar il-Ħamis fejn ajruplan tal-linja Egyptair iġġarraf fil-Mediterran, b’66 persuna abbord.

Sadanittant, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Marc Ayrault, iltaqa’, ma’ qraba tal-vittmi li kienu fuq l-ajruplan u qal li ‘ma tispikka l-ebda waħda fost it-teoriji li qed ikunu analizzati’.

L-ajruplan tat-tip Airbus kien qed jivvjaġġa minn Pariġi lejn il-Kajr, fl-Eġittu, qabel sparixxa minn fuq ir-radar. L-analisti, issa, qed isostnu li diffiċli biex huma jagħmlu l-konklużjonijiet konkreti dment li għadhom ma nstabux l-ajruplan u l-kaxxi s-suwed ta’ fuqu li għandhom jiżvelaw data importanti dwar l-aħħar ħinijiet tat-titjira.

It-tfittxija għall-Airbus qed tkompli fil-Mediterran fost rapporti li nstabu xi fdalijiet ta’ ajruplan u materjal ieħor fil-baħar.

L-awtoritajiet fil-Greċja kienu qalu, inizjalment, li l-ajruplan tal-Egyptair, nhar il-Ħamis, għamel żewġ dawwriet f’daqqa fl-ajru qabel niżel direttament għal ġol-baħar. Dan meta esperti tal-avvjazzjoni qed iwissu li t-tfittxija għall-ajruplan tista’ tibqa’ għaddejja fit-tul ħafna.

Fl-aħħar żviluppi, l-investigaturi rreferew għal indikazzjonijiet ta’ duħħan fil-kabina tal-Airbus qabel għeb iżda l-kawża eżatta mhix magħrufa. Rapport ieħor li ħareġ l-Aviation Herald u li qed jibbaża fuq il-flight data pprovduta minn sorsi indipendenti qal li smoke detectors f’sezzjoni tal-ajruplan kienu attivati ftit minuti biss qabel intilef kull kuntatt mal-Airbus tal-Egyptair.

Filwaqt li l-investigaturi qalu li l-informazzjoni partikolari tindika nirien potenzjali fuq l-ajruplan, huma, għalissa, mhumiex jiġbdu il-konklużjonijiet fissi.

Fl-istess ħin, Philip Baum, l-editur tal-Aviation Security International Magazine, qal li wieħed ma jistax jeskludi ċar u tond li l-Airbus tal-Egyptair niżel fil-baħar b’kaġun ta’ xi difett tekniku.