Internazzjonali

Sparatura barra l-White House ma kenitx riżultat ta’ terroriżmu

epa05043646 The Secret Service cordons off Pennsylvania Avenue near the White House after the White House was put on lockdown because a person reportedly jumped the White House fence before being quickly apprehended by the Secret Service, on Thanksgiving Day in Washington, DC, USA, 26 November 2015. EPA/MICHAEL REYNOLDS

L-awtoritajiet fl-Istati Uniti qalu li sparatura barra l-White House ta’ Washington li ħalliet raġel midrub kritikament ma kellhiex konnessjoni ma’ xi attakk terroristiku. L-inċident seħħ tard fil-lejl tal-Ġimgħa meta r-raġel, li kien armat, indarab minn membru tas-servizzi sigrieti wara li dam jisfida lill-kontinġent tas-sigurtà fil-periferija tal-White House, fost it-tensjoni qawwija.

Il-pulizija li tkellmu wara l-inċident qalu li r-raġel kien xejjer arma tan-nar qrib checkpoint tas-sigurtà viċin il-White House u fejn is-suspettat spiċċa jaqla tir fl-istonku. L-inċident wassal għal spinta ta’ sigurtà fl-inħawi bil-White House jitqiegħed taħt sitwazzjoni ta’ lockdown.

Il-President Amerikan Barack Obama ma kienx fil-White House meta seħħ l-inċident iżda rapporti qalu li l-Viċi-President Amerikan, Joe Biden ( li kien ġewwa dak il-ħin) ittieħed lejn zona ta’ sigurtà fil-kumpless tal-Presidenza.

Ingħad li r-raġel armat kien injora diversi direttivi biex jitlaq l-arma minn idejh sal-punt fejn aġent tas-servizzi sigrieti kien kostrett li jisparalu. Ir-raġel, imbagħad, ittieħed l-isptar fejn kien irrappurtat f’qagħda kritika.

L-ebda persuna oħra ma ndarbet fl-inċident, bil-President Obama ikun infurmat minnufih dwar l-iżviluppi. Waqt li kienet għaddejja d-drama, il-First Lady tal-Istati Uniti, Michelle Obama, kienet qed tikkonkludi diskors fiz-zona t’isfel ta’ Washington. L-uffiċċju tagħha ma żvelawx l-inħawi preċiżi tagħha u ta’ uliedha fil-ħin tal-isparatura.

L-aħħar indikazzjonijiet mill-investigazzjoni preliminarja, intant, ma ħarġu l-ebda ħjiel ta’ xi skop terroristiku, bl-istħarriġ qed ikompli.