Lokali

Żvelati dokumenti li juru kif Konrad Mizzi mhux se jpoġġi l-propjeta’ tiegħu fit-trust li fetaħ

Żvelati dokumenti li juru kif Konrad Mizzi mhux veru kien se jpoġġi l-proprjeta’ tiegħu fit-trust li fetaħ

Fi żvolta ġdida fl-iskandlu tal-Panama Papers, fil-ħarġa tagħha tas-Sibt, The Times żvelat id-dokument tal-applikazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi biex ikun jista’ jiftaħ it-trust fin-New Zealand. Sa mill-ewwel ġurnata li faqqa’ dan l-iskandlu – fl-24 ta’ Frar ta’ din is-sena – Konrad Mizzi u Joseph Muscat – dejjem insistew li dan it-trust infetaħ biex titpoġġa fih il-proprjeta’ ta’ Konrad Mizzi.

Madanakollu, kif jidher f’dawn id-dokumenti, dan mhuwiex minnu. Konrad Mizzi ħalla barra l-kaxxa li tgħid li t-trust kienet se tinfetaħ għall-proprjeta’. L-istess dokument juri wkoll li Konrad Mizzi mmarka l-kaxxa ‘Confidentiality and Privacy’, li jfisser li Konrad Mizzi ried li t-trust tibqa’ waħda sigrieta.

Madanakollu, minkejja dawn id-dokument iswed fuq l-abjad, kmieni filgħodu, l-Ministru Mizzi ħareġ stqarrija li fiha hedded li se jiftaħ kawża ta’ libell lil The Times of Malta. Skont hu, il-ġurnal gideb meta qal li Konrad Mizzi ma semmiex li t-trust fi New Zealand kien se jkun għall-proprjetà tiegħu f’Londra u f’Tas-Sliema.

Fl-istqarrija tiegħu, Konrad Mizzi qal li dak żvelat mill-Panama Papers huwa parti minn kampanja ta’ assassinju tal-karattru kontrieh, u li qed isir minn diversi kwartieri, nkluż il-Partit Nazzjonalista. Hu qal ukoll – minkejja dak li qed jidher f’dan id-dokument uffiċjali – li l-kategorija tal-estate planning kienet immarkata.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal d-dokumenti żvelati llum minn The Times of Malta jikkonfermaw, lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni, kemm il-Ministru Konrad Mizzi ilu jigdeb meta qal li t-trust tiegħu fetagħha biex fiha jpoġġi l-proprjetà tiegħu.

Mhux talli hekk, talli The Times ħarġet prova li Konrad Mizzi ma kellu l-ebda intenzjoni li jiddikjara t-trust u lanqas li tkun iċċekjata mal-awdituri.

Il-giddieb għomru qasir

Hu ċar ukoll li Joseph Muscat huwa kompliċi ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi għaliex mill-bidu nett, hu ddefendihom u rrepeta l-gideb tagħhom. Dan mhux aġir denju ta’ Prim Ministru u għalhekk, ir-responsabbiltà politika għandha tintrefa anke minn Joseph Muscat.

It-taħwid u gideb sfaċċat ta’ Joseph Muscat, ta’ Keith Schembri, u ta’ Konrad Mizzi, issa qabżu kull limitu, u saru theddida għad-demokrazija, għaliex pajjiż ma jistax jibqa’ jitmexxa b’dan il-mod minn nies bħal dawn.

Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar.

Quddiem dawn l-oxxenitajiet, il-Partit Nazzjonalista mhux se jagħlaq ħalqu, u wisq anqas se jibża’ mill-libelli qed jiftħu Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-ġurnalisti li spiċċaw vittmi ta’ libelli, attakki u intimidazzjoni minn dawn it-tliet persuni li qed jabbużaw mill-poter tagħhom f’Kastilja.