Familja Russa magħmula minn missier, omm u binhom fost numru ta’ individwi oħra ngħatat il-passaport Malti mill-Aġenzija Identity Malta grazzi għal proċess li fih kienet involuta b’mod dirett il-kumpanija Nexia BT ta’ Brian Tonna li hu qrib ħafna ta’ Kastilja. Barra minhekk fil-ġimgħat li għaddew din il-familja ngħatat ukoll id-dritt li tivvota fl-elezzjoni ġenerali meta fid-dikjarazzjoni tagħha qalet ċar u tond li hi ma tgħix f’Malta.
Minn stħarriġ li sar mill-gazzetta il-mument jirriżulta li fil-kors tal-applikazzjoni u wara li kien provdut ukoll indirizz f’Malta fejn din il-familja toqgħod; Depiro Point, Block B, Flat 14, Triq Depiro, Sliema, Identity Malta ħarġet kemm-il passaport Malti kif ukoll iċ-ċittadinanza Maltija.
Din il-familja, bl-għajnuna tal-kumpanija Nexia BT li bħalissa tinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers, segwiet l-applikazzjoni ta’ din il-familja u llum il-koppja Victor Iavovich Vashkevich u Irina Borisovna Vashkevich u binhom Yan Victorovich Vashkevich ingħataw il-passaport Malti.
Jirriżulta wkoll li mill-Kummissjoni Elettorali nħarġilhom ukoll id-dritt tal-vot biex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali. Dan jistona ħafna fl-isfond tal-fatt li fl-applikazzjoni tagħha din il-familja ddikjarat li hi ma għexietx fil-gżejjer Maltin għal sitt xhur fl-aħħar 18-il xahar.
Il-liġi elettorali ta’ pajjiżna tistipula bl-aktar mod ċar kif persuni eliġibbli għall-vot mhux biss irid ikollhom aktar minn 18-il sena, imma li fl-aħħar 18-il xahar qabel id-data tal-elezzjoni ġenerali, dawn iridu jkunu għexu f’Malta għal perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur.
Sadattant minn aktar dokumentazzjoni li il-mument ra u vverifika jirriżulta li l-aġenti li pproċessaw din l-applikazzjoni ta’ din il-familja Russa hi l-kumpanija Nexia BT li wieħed mid-Diretturi tagħha Brian Tonna hu qrib ħafna ta’ Kastilja.
Aktar dettalji fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>

