L-Oppożizzjoni qed toffri politika onesta għax mill-politika onesta jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu, għall-kuntlarju ta’ dak li qed iseħħ bħalissa, fejn il-kollass totali tal-awtoritajiet fil-pajjiż mhux qed jippermettu lill-Gvern li jiffunzjona fl-interess tal-pajjiż.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’kollegament telefoniku ftit tal-ħin ilu fuq Radio 101 fejn irrimarka li bħalissa l-Gvern għaddej minn kriżi tat-tmexxija, mingħajr boxla morali u mingħajr il-kapaċità li jagħmel differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Dan kollu qed iwassal għall-iġġammjar tal-istituzzjonijiet.
Simon Busuttil qal li l-prezz ta’ dan il-kollass qed iħallsu l-poplu Malti u Għawdxi għax meta l-Gvern ikun f’kriżi ta’ korruzzjoni, ma jkunx jista jsolvi l-problemi l-aktar li jolqtu lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Kien hawnekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għar-rapport tal-Caritas dwar il-faqar, li kkonferma li l-ħajja splodiet taħt Gvern Laburista.
Il-Gvern ta’ Muscat moħħu aktar biex jiftaħ il-libelli minflok ma jikkonċentra fuq il-problema tal-faqar, sostna Simon Busuttil. Kien hawnekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-media u esprima solidarjetà fid-dawl tal-attakki sistematiċi mill-Gvern fuq kull min qed jipprova jikxef il-verità dwar il-Gvern.
Waqt il-kollegament telefoniku, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għall-aħbarijiet riċenti, fosthom id-dokument żvelat minn The Times li jikkonferma l-gidba ta’ Konrad Mizzi meta kien qal li fetaħ it-‘trust’ fi New Zealand biex ipoġġi fiha l-propjetà tiegħu.
Irrefera wkoll għall-aħbar li Ċiniż li mexxa n-negozjati f’isem ix-Shanghai Electric dwar il-bejgħ tal-Enemalta, infetħitlu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands mill-istess persuna u fl-istess żmien li nfetħu l-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama. Filwaqt li saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li hemm suspetti ta’ korruzzjoni fl-iskandlu tal-Panama, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni mhux se tibża mil-libelli għax tinsab determinata li qed tfittex il-verità.
Intant, Simon Busuttil irrefera wkoll għall-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Keith Schembri li ressqet id-Deputat Marlene Farrugia, liema mozzjoni kellha tinbidel f’mozzjoni kontra l-Prim Ministru. Simon Busuttil qal li qed tqum mistoqsija oħra fuq id-demokrazija hekk kif il-Gvern l-anqas biss irid jiddiskuti lil Keith Schembri fil-Parlament.
//= $special ?>

