Internazzjonali

Jinqatel il-kap tat-Taliban

Il-Gvern Afgan u membri tat-Taliban ikkonfermaw rapporti mill-Pentagon li l-Mullah Akhtar Mansoor, il-kap tat-Taliban, kien inqatel f’attakk mill-ajru Amerikan fil-Pakistan.
Skont il-Mullah Abdul Rauf, mexxej ewlieni tat-Taliban, il-Mullah Mansoor inqatel nhar il-Ġimgħa filgħaxija waqt li kien qed jivvjaġġa f’zona remota tal-fruntiera Pakistana mal-Afganistan.
Jidher li kien biss wara li seħħ l-attakk li l-Gvern Amerikan informa lill-Gvern Pakistan u dak Afgan b’dak li kien ġara.
Il-Pentagon, meta ta l-aħbar tal-attakk fuq Mansoor, ma kkonfermax li kien inqatel ħlief li kien fil-mira tal-attakk bi drone li sar fl-inħawi tal-belt Pakistana ta’ Ahmad Wal fil-provinċja ta’ Balochistan.
Mansoor flimkien mal-Mullah Omar kienu l-fundaturi tat-Taliban u t-tnejn kienu jafu personalment lil Osama bin Laden.
F’Diċembru kien hemm rapporti li Mansoor kien indarab fi sparatura bejn gruppi rivali ta’ ġellieda fil-Pakistan.
Il-qtil ta’ Mansoor se tkun telfa kbira għat-Taliban hekk kif kien reġa’ beda jissaħħaħ il-grupp. Taħt it-tmexxija qasira ta’ Mansoor, it-Taliban kien irnexxielhom jirbħu l-kontroll ta’ belt importanti għall-ewwel darba fi 15-il sena.