BLOGS

Kwistjoni ta’ fiduċja fil-politika

L-Eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Henry Kissinger darba stqarr li “Corrupt politicians make the other ten percent look bad.” Kissinger fl-istorja baqa’ figura diviżiva ħafna bi wħud jgħidu li kien Segretarju tal-Istat effettiv u oħrajn jilmentaw li huwa ħati ta’ bosta reati fuq bażi ta’ liġi internazzjonali. Ħaġa hemm ċerta dwar Kissinger, li kien Segretarju tal-Istat taħt il-Presidenza ta’ Richard Nixon; il-bniedem li ħalla l-iskandlu ta’ Watergate jikber sal-punt li sar l-uniku President fl-istorja tal-Istati Uniti li kellu jirriżenja, inkella kien jiffaċċja kważi b’ċertezza impeachment, jiġifieri tkeċċija.

Il-Partit Laburista permezz tal-midja tiegħu u l-midja tal-alleat numru wieħed tiegħu, il-General Workers Union, għaddej b’kampanja enormi ta’ tfigħ ta’ tajn prattikament lejn kull min hu involut b’xi mod mal-Partit Nazzjonalista. Kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn fejn ġew riċiklati stejjer diġà użati snin ilu jew saħansitra fatti interpretati b’mod li jixħtu dubji serji, anke jekk infondati, fuq numru dejjem jikber ta’ attivisti tal-PN. Kampanja li bl-aktar mod ċar għandha bħala l-mira tagħha n-numri; li timplika kemm jista’ jkun ammont kbir ta’ nies f’xi ħaġa, tkun xi tkun, basta jinħoloq dubju f’moħħ il-poplu.

Kampanja li trid toħloq l-idea li l-politiċi kollha l-istess, kollha korotti, m’hemmx x’tagħżel minn wieħed għal ieħor. Kampanja li trid toħloq il-perċezzjoni li skandlu wara ieħor li qiegħed jifni lill-Gvern Laburista huwa biss parti miċ-ċiklu normali tal-politika Maltija. Li dak li qegħdin jagħmlu esponenti importanti tal-Gvern Laburista mhuwiex wisq differenti minn dak li jagħmel kull politiku fl-istess pożizzjoni.

Hija kampanja negattiva, distruttiva u li sservi biex iddgħajjef is-sisien tad-demokrazija Maltija. Li l-poplu jemmen fid-demokrazija u jemmen li għandu għażla f’elezzjoni hija importanti sabiex demokrazija tkun ħajja u vibranti. Jekk il-poplu nwassluh sal-istadju li jemmen li kull sforz min-naħa tiegħu huwa inutli, allura nkunu qegħdin nilagħbu man-nar b’mod dirett fejn tidħol id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-Partit Laburista jridna nemmnu li dak li qed jiġri lill-Gvern Laburista huwa normali. Ma tridx tfittex wisq biex tinduna li dak li qiegħed jiġri lill-Gvern Laburista huwa kollox ħlief normali. Il-kampanja mill-aktar distruttiva tal-Partit Laburista tixhed li biex iżomm ir-riedni tal-poter, il-Partit Laburista lest jagħmel kollox; anke jdgħajjef id-demokrazija nnifisha.

Dan kollu jixħet importanza akbar fuq il-mod kif jimxi l-PN. Fl-isfond ta’ kampanja intiża biex tħammeġ l-immaġni tal-politika b’mod ġenerali, il-PN permezz tal-imġiba tiegħu jrid ikompli juri li huwa tassew dak il-gvern alternattiv li jkun jista’ jnaddaf il-politika. Il-PN irid jibqa’ jżomm standards politiċi għoljin li juru li huwa possibbli li f’pajjiżna d-demokrazija taħdem bħal demokraziji oħra fl-Ewropa, fejn il-kontabbiltà tassew tfisser xi ħaġa.

Din l-isfida l-PN jeħtieġ li jirbaħha mhux għall-interessi partiġjani tiegħu bħala partit imma f’ġieħ din Malta tagħna li aħna lkoll inħobbu, ngħożżu u nixtiqulha l-ġid. Il-ħidma tal-PN fl-aħħar tliet snin taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil fuq din il-bażi nbniet u m’għandi ebda dubju li hekk se jkompli jkun il-każ.

Ma’ kull jum li jgħaddi qiegħed jidher dejjem aktar ċar li l-Partit Laburista huwa komdu li l-politika Maltija tintefa’ fil-boxing ring tat-tfigħ tat-tajn. Il-PN għalhekk qiegħed juri għaqal kbir meta jwieġeb permezz ta’ aktar inizjattivi pożittivi bħal pereżempju l-aħħar dokument dwar soluzzjonijiet short term għat-trasport f’Malta varat waqt il-Kunsill Ġenerali.

Allaħares pajjiżna wasal fl-istat li m’għandux politiċi ta’ prinċipju li qegħdin fil-politika għall-aktar raġunijiet nobbli. Huwa ċar li fost dawn il-politiċi ta’ prinċipju pajjiżna għandu lil Simon Busuttil li ċertament fil-kariga ta’ Prim Ministru jista’ jagħmel differenza kbira f’termini ta’ tindif tal-politika.