Lokali

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija konxju li se jintuża minn Kastilja u mill-Ministeru tal-Intern

Lawrence Cutajar, il-ħames persuna fit-tmun tal-Korp tal-Pulizija f’din il-leġiżlatura, jinsab skomdu ħafna hekk kif skont sorsi, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija hu konxju li hu tpoġġa fit-tmun tal-Korp tal-Pulizija għaliex kemm Kastilja u kemm-il Ministeru tal-Intern iridu persuna li jistgħu jgħaġnu kif iridu. Żvelat dan il-gazzetta il-mument.

Lawrence Cutajar iħaddan il-bandiera Laburista u kemm-il darba stqarr dan qabel inħatar Aġent Kummissarju tal-Pulizija u kiteb pubblikament li indika dan.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li Lawrence Cutajar ma hu komdu xejn li f’din il-kariga nħatar bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija u mhux Kummissarju. Messaġġ dirett lejh li sa issa għad ma għandux il-kredenzjali meħtieġa wara snin twal fil-Korp. Iżda mhux biss, Lawrence Cutajar hu konxju li hemm min hu fit-tmexxija li jrid jisserva bih u wara jitneħħa.

Skont l-artiklu ppubblikat f’il-mument, il-Gvern diġà għandu f’moħħu numru ta’ persuni li possibbilment jistgħu jimlew din il-kariga, fosthom dik tal-eks Assistent Kummissarju Pawlu Sammut li llum jimmilità fil-Partit Laburista fit-taqsima elettorali.

Il-Gvern għandu f’moħħu wkoll isem, tnejn jew tlieta ta’ persuni biex jokkupaw il-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni. Barra minhekk jidher li għandu f’moħħu wkoll li jerġa’ jdaħħal fil-Korp persuni li għadhom kemm telqu bl-iskop li dawn jingħataw karigi importanti fit-tmexxija.

Cutajar hu l-ħames persuna fit-tmun tal-Korp. Peter Paul Zammit, Ray Zammit u Michael Cassar kollha servew bħala Kummissarju tal-Pulizija matul dawn l-aħħar tlett snin.

Aktar dettalji fil-gazzetta il-mument