Meta konna għadna tfal, ma kienx ikun hemm okkażjoni li fiha ma jiġix il-magician. Konna nibqgħu mbellhin naraw il-maġija u konna nemmnu li verament kienu qed isiru affarijiet ta’ barra minn hawn, u tgħidx kemm konna nifirħu u nċapċpu. Ta’ tfal li konna, kollox kien jidher fantastiku.
Illum m’għadniex tfal, u nafu li dak li konna naħsbuh xi ħaġa tal-għaġeb jew saħansitra poteri straordinarji, mhuwa xejn ħlief ħeffa tal-id biex tinħoloq illużjoni. Illużjoni li waqt li dak ta’ fuq il-palk ikun qed jagħmel xi ħaġa bil-moħbi b’idu x-xellugija, ikun qiegħed ixejjer idu l-leminija u jpaċpaċ biex jaljenak u jġiegħlek taħseb dak li jrid hu.
Nistħajlek qed tistaqsi biex ġej illum! Naħseb però li diġà indunajt għal xiex qed nirreferi.
Il-Prim Ministru li għandna huwa surmast tal-arti tal-illużjoni biex jaljena n-nies u ma jurihomx x’qed jagħmel. Maqbud f’nofs l-agħar skandlu ta’ korruzzjoni li qatt kellna f’pajjiżna, startja l-magna tal-partit tiegħu u tefagħha gas down toħloq l-illużjonijiet biex in-nies tħares xi mkien ieħor u mhux lejn l-iskandlu. Infexxew jaqilgħu u jivvintaw stejjer dwar diversi membri tal-Partit Nazzjonalista – fuq min ma qalux u ma qalgħux xi qalgħa? Stejjer li kollha qed jirriżultaw foloz u allegazzjonijiet infondati li waħda wara oħra jmutu fix-xejn.
Imma naħseb li fuq il-Panama, u t-tattiki li użaw fil-każ tal-Panama, nafu ħafna u m’hemmx bżonn nikteb aktar jien. Iżda tajjeb ninnutaw il-mod kif l-istess tattiki jintużaw biex il-partit ta’ Joseph Muscat jipprova jpinġi storja differenti anki fuq dak li suppost għamlu huma u m’għamlux, u fuq dak li sar fi żmien Gvern Nazzjonalista u jridu jieħdu l-mertu huma.
Jekk, biex nieħdu eżempju, naraw l-aħħar riżultati li kellna dwar l-emissjonijiet, irriżulta li l-emissjonijiet, jiġifieri d-dħaħen, biex nitkellmu ċar, naqsu u naqsu b’mod esaġerat. Mill-ewwel xegħlu l-propaganda u bdew jiftaħru b’dawn ir-riżultati. Imma aħna m’aħniex boloh, u lanqas għadna dawk it-tfal li konna nistagħġbu u nemmnu lil tal-magics. Kulħadd jaf li fit-tliet snin li ilhom fil-Gvern dawn għadhom ma għamlu ebda proġett ġdid li jimpatta fuq l-emissjonijiet. Il-power station tal-gass li tant wegħduna mhix mibnija u mhix qed tiġġenera, almenu jekk mhix qed tiġġenera fil-Panama u ma nafux! Mela biex naqsu l-emissjonijiet?
Naqsu għax waqfet taħdem il-power station tal-Marsa għax ma kienx għad hemm bżonnha, għax id-domanda tad-dawl qed tiġi pprovduta bejn bl-impjant tal-BWSC ta’ Delimara, u bejn bl-interconnector. Żewġ proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista. L-impjant tal-BWSC issa mhux talli m’għadux fabbrika tal-kanċer, talli qed jiftaħru bir-riżultati tiegħu.
U xi ngħidu għas-sitwazzjoni fix-xandir pubbliku?
Illum qed naraw li x-xandir, li suppost huwa pubbliku, sar xandir tal-istat, jiġifieri sempliċement għodda ta’ propaganda favur il-partit fil-Gvern, jagħżel dak li jsemmi u anki l-mod kif isemmih, b’ebda rispett lejn is-sewwa u l-verità, basta jaqdi l-bżonnijiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Dan huwa tnaqqir tad-demokrazija fin fin.
Nista’ nibqa’ nsemmi ħafna eżempji ta’ dan, imma naħseb l-aħjar li nuża hu kliem ta’ ħabib tiegħi fiċ-Ċivil, li meta ra t-taqlib u t-taħwid li sar fl-amministrazzjoni pubblika mill-ewwel ġranet ta’ dan il-Gvern, induna x’kien ġej. B’ħarsa ħosbiena qalli, “Kemm konna aħjar, meta dawn iridu jbellgħuhielna li konna agħar.”
Il-kelma li konna nużaw għat-tricks tal-magician kienet ‘bużullotti’, u dan il-Gvern qed juri biċ-ċar li huwa wieħed li juża l-bużullotti biex jipprova jgħaddina minn għajn il-labra. Iżda jekk konna aħjar, jien konvint li nerġgħu niġu aħjar, u ma ndumux.
Il-Kap tal-PN qabad triq dritta u bla kompromessi mad-diżonestà u ma’ min jara l-politika bħala mezz biex iħaxxen butu. Il-PN immexxi minn Simon Busuttil huwa partit tan-nies, u l-poplu mhux dawk it-tfal ta’ quddiem il-magician u mhux se jimpressjona ruħu u jiġi aljenat mill-ħeffa tal-id u tal-ilsien ta’ Joseph Muscat.
Il-poplu għalina huwa sovran u kapaċi jagħraf id-differenza bejn il-konvinzjoni u l-onestà tal-Kap tal-PN Simon Busuttil, u l-bużullotti tal-illużjonista Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista nħoloq mill-Maltin biex jirbaħ l-indipendenza mill-imperu Ingliż. Issa, illum, qed jerġa’ jiġi msejjaħ biex Malta teħles mill-oligarkija ta’ Muscat u l-klikka li ħakmitu. Għax il-ġens Malti dejjem għażel tajjeb, u għalhekk is-sewwa dejjem rebaħ, u jerġa’ jirbaħ żgur.
//= $special ?>