Sottomarin tal-militar Eġizzjan intbagħat biex jgħin fit-tfittxija tal-kaxex is-suwed tal-ajruplan tal-EgyptAir li l-ġimgħa l-oħra għeb waqt titjira minn Pariġi lejn il-Kajr.
Dan hekk kif uffiċjali qalu li kien hemm duħħan ħiereġ fl-ajruplan ftit qabel ma għeb minn fuq ir-radar imma x’ikkawżah kienu biss il-kaxex is-suwed li setgħu jagħtu ħjiel.
Rigward il-possibbilta ta’ terroriżmu, l-ISIS fi tmiem il-ġimgħa ħareġ messaġġ ieħor mimli theddid lejn il-Punent imma ebda referiment fih għall-każ tal-EgyptAir li ġġarraf b’66 persuna abbord nhar il-Ħamis.
Il-Gvern Eġizzjan qal li għalissa kull teorija dwar il-kawża ta’ dak li ġara lit-titjira MS804 kienet plawsibbli.
S’issa fit-tfittix fil-Mediterran, instabu xi biċċiet tal-ajruplan u partijiet mill-passiġġieri. Iżda l-parti ewlenija tal-ajruplan kif ukoll iż-żewġ kaxex is-suwed – waħda tal-mod kif kien qed jaħdem l-ajruplan u l-ieħor ta’ dak li kien qed jintqal fil-kabina tal-pilotaġġ – għadhom ma nstabux. Hu mifhum li dawn huma f’fond ta’ baħar ta’ bejn 2,000 u 3,000 metru.
Sottomarin jgħin fit-tfittxija tal-EgyptAir
