Lokali

Żvelati l-ismijiet ta’ għexieren ta’ barranin li ngħataw id-dritt tal-vot bil-ksur tal-liġi

il-mument illum ippubblikat lista ta’ għexieren ta’ ismijiet ta’ persuni barranin li fil-ġimgħat li għaddew ingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali bi ksur tal-liġi.

Jirriżulta li dawn il-barranin ingħataw dan id-dritt mingħajr ma sar proċess serju ta’ due diligence biex ikun magħruf jekk l-istess barranin jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mil-liġi ta’ pajjiżna biex ikunu eliġibbli li jingħataw dan id-dritt.

L-applikazzjonijiet oriġinali biex dawn il-barranin setgħu jixtru l-passaport Malti u jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija saret lill-Aġenzija Identity Malta mwaqqfa mill-Gvern Laburista u li fix-xhur li għaddew kienet b’mod ripetut fl-aħbarijiet minħabba bosta skandli dwar ħruġ ta’ visa lejn Malta u allura lejn iz-zona Schengen.

Madankollu fil-proċess għall-għoti tad-dritt tal-vot lil dawn il-barranin fl-elezzjoni ġenerali hemm involut ukoll l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali li finalment ikun hu li jara li jingħata dan id-dritt lil dawk li jkunu jissodisfaw numru ta’ kriterji hekk kif stabbiliti fil-liġi ta’ pajjiżna.

Il-lista li il-mument qed tippubblika llum tal-barranin li ngħataw id-dritt tal-vot matul il-ġimgħat li għaddew taqbeż it-tmenin isem u li issa fil-konfront ta’ dawn il-persuni barranin inbdew ukoll proċeduri fil-Qorti.

Dwar dan kollu il-mument ħa l-kummenti ta’ Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern, li qal li f’nofs din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista kellu jirrikorri għall-Qrati Maltin biex jassigura li fl-elezzjonijiet, jivvota biss min għandu d-dritt li jivvota, u mhux min ikun ingħata d-dritt tal-vot bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

il-mument ħa wkoll il-kummenti ta’ Matthew Mangion, id-Direttur tal-uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, li rrimarka li hu interessanti li minkejja li dan l-iskandlu seħħ fl-Uffiċċju Elettorali, li responsabbli għalih hu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ir-reazzjoni għal dan l-iskandlu ħarġet mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici.

Il-lista kollha tal-persuni xtraw il-passaport Malti u ngħataw id-dritt tal-vot bi ksur tal-liġi tinsab ippubblikata b’mod sħiħ fil-gazzetta il-mument

mument