Lokali

Aġġornata: Wara ħidma ta’ diversi sigħat, jirnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija

Joseph Zahra, magħruf bħala “Il-Ġurdien”, irnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija li meta marru jfittxuh f’binja kbira f’Ħal Far, ma sabuhx fiha.

L-istorja bdiet tiżviluppa sa minn kmieni filgħodu meta l-Pulizija marru fil-post kif indikat lilhom biex jarrestaw lil Zahra ħalli jkun jista’ jidher quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.

Hu ma weġibx u għalhekk il-Pulizija talbet l-għajnuna biex il-binja tkun ċirkondata minn membri mill-ALE u mis-Sezzjoni tat-Traffiku. Għal diversi appelli mill-Pulizija biex Zahra jċedi u jagħti lilu nnifsu lill-Pulizija, instema’ biss l-inbigħ ta’ xi klieb.

F’dan l-istadju, intalbet l-assistenza ta’ aktar Pulizija, fosthom dawk armati, li daħlu fil-binja. Magħhom ingħaqdu wkoll membri mill-Animal Walfare, li sabu li l-klieb kienu maħqura u mhux f’kundizzjoni diċenti.

Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Uffiċjali tal-Animal Walfare bdew bil-ħidma tagħhom ħalli jaqbdu l-klieb, hekk kif l-ewwel wieħed instab maqful b’ċinga ħoxna u f’kundizzjonijiet ħżiena. Iżda ghal xi raguni l-annimali thallew fil-post.

Minn stħarriġ li għamel NETnews irriżulta li fil-post jinżammu numru ta’ ħnieżer, tiġieġ u anki żiemel, li lkoll mhumiex qed jinżammu f’kundizzjoni tajba. Fl-istess waqt, il-Pulizija kompliet bit-tfittxijiet għal Zahra, li iżda rriżultaw fin-negattiv.

Il-ħidma tal-Pulizija kienet ikkordinata mill-Ispetturi Sergio Pisani u Anthony Cilia.

Aktar kmieni …
Ħidma diffiċli għall-Pulizija biex tonora mandat ta’ arrest ta’ persuna aggressiva

Bħalissa għaddejja operazzjoni għall-arrest ta’ persuna magħrufa mal-Pulizija, illi iżda hu msejjaħ quddiem il-maġistrat Francesco Depasquale u għal xi raġuni ma deherx.

Minkejja sejħiet ripetuti biex l-agressur jagħti lilu nnifsu lill-Pulizija u jċedi, s’issa minkejja kull tetattiv, għadu ma jridtx iċedi għall-ordnijiet tal-Pulizija illi l-preżenza tagħhom fil-post qed tkompli tiżdied.

Din il-ħidma qed issir f’Ħal-Far, preċiżament f’binja kbira li fiha hemm diversi inġenji u oġġetti goffa oħrajn.

F’din il-binja hemm ukoll għad ta klieb kbar li l-Pulizija qed tqis bħala perikolużi.

Din il-ħidma ta’ arrest qed jiħdu sehem Pulizija armati mir-Rapid Intervention Unit, Pulizija tat-traffiku u bl-assisstenza ta’ uffiċjali tal-animal welfare.