Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir (BA) Tania Borg Cardona kienet fost dawk li akkumpanjaw lil Ira Losco fil-Eurovision Song Contest fi Stokkolma. Dan kien żvelat mill-portal tal-aħbarijiet Newsbook.com.mt, li rrapporta wkoll kif għat-titjira u l-akkomodazzjoni għamlet tajjeb l-Awtorità tax-Xandir.
Il-portal staqsa lill-Kap Eżekuttiv tal-Aworità jekk jikkonfermax li l-vjaġġ u l-akkomodazzjoni tħallsu mill-Awtorità. U filwaqt li kkonferma dan, ma tax dettalji dwar l-ispiża. Hu wieġeb biss li “mhijiex prassi li jiġu żvelati tali ammonti”.
Pierre Cassar qal li l-preżenza ta’ Borg Cardona kienet biss f’isem l-Awtorità tax-Xandir għalkemm sostna li mhijiex prassi li ċ-Chairperson tal-Awtorità jattendi għall-Eurovision. Barra minhekk, hu ma riedx jikkommetti ruħu jekk l-Awtorità għandhiex il-ħsieb tibgħat liċ-Chairperson għall-edizzjonijiet futuri.
Bħala entità kostituzzjonali, l-Awtorità tax-Xandir tirċievi l-fondi tagħha mill-baġit tal-Istat. Madankollu, il-kelliem tal-Awtorità baqa’ jsostni li ma jagħtix dettalji dwar l-ispejjeż relatati ma’ din iż-żjara.
Tania Borg Cardona ġiet nominata fil-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir fil-bidu ta’ din is-sena mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
(Ritratt: mill-Facebook)
//= $special ?>

