Lokali

Il-Kap tal-PN f’laqgħa mal-Ambaxxatur Ċiniż

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil llum iltaqa’ mal-Ambaxxatur Ċiniz Cai Jinbiao, li wara 4 snin se jkun qed itemm il-ħidma tiegħu bħala Ambaxxatur għal Malta.

F’laqgħa li kellu fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fid-Dar Ċentrali, l-Ambaxxatur Ċiniż qal li se jibqa’ jżomm lil Malta f’qalbu filwaqt li rrigrazzja lill-Awtoritajiet li tul il-ħidma tiegħu dejjem urew sostenn. Jinbiao qal wkoll li l-ħidma tiegħu kienet differenti minn dik tal-ambaxxaturi ta’ qablu. Dan hekk kif mal-ħatra tiegħu f’Marzu tal-2012 kien hemm Gvern Nazzjonalista u tul l-aħħar 3 snin ħadem ma’ Gvern Laburista.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil rringrazzjah tax-xogħol li għamel u talli f’ċertu ċirkostanzi saħansitra ta’ sehem personali tiegħu li kien kruċjali. Simon Busuttil qal li jispera li b’xi mod jew ieħor Cai Jinbiao jibqa’ assoċjat ma’ pajjiżna.

Għal din il-laqgħa attendew anke s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Trevor De Giorgio u l-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech.