Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li nstab li kellu d-droga fil-pussess tiegħu

Jason Caruana, ta’ 39 sena mill-Furjana, inżamm taħt arrest wara li lbieraħ kien arrestat mill-Pulizija mill-Għassa tal-Belt għax instab li kien taħt l-effett tad-droga eroina, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu ammont tal-istess droga bil-ħsieb li tkun ittraffikata.

Hu nqabad wara li kien innotat li għadda ‘wrong-way’ minn Triq San Kristofru fil-Belt. Kif waqqfu l-vettura, il-Pulizija nnutaw li r-raġel kien qed jaġixxi b’mod suspettuż u dan wassal għal tfittxija fil-vettura. Hemm huma sabu d-droga u arrestawh għal aktar interrogazzjonijiet.

Minbarra l-akkużi relatati mat-teħid u t-traffikar tad-droga eroina, Caruana tressaq ukoll b’akkużi li hu riċediv, kif ukoll li kiser ir-regolamenti tat-traffiku.

Min-naħa tagħha, l-Avukat Charmaine Cherrett qalet lill-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, li l-akkużat għandu kundizzjoni medika mentali u li qed jingħata l-kura għal din il-kundizzjoni. Għaldaqstat, hi appellat lill-Qorti biex tagħtih il-libertà proviżorja u li jiġi ordnat li jkun taħt superviżjoni.

Madankollu, il-Qorti ma laqatx it-talba tal-libertà proviżorja, għalkemm qablet li jkun assigurat li r-raġel jingħata t-trattament meħtieġ għall-kundizzjoni medika li għandu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee.