Lokali Qorti

Mhux ħati li wassal għal inċident fatali li seħħ ħames snin ilu

Clayton James Fenech, żagħżugħ ta’ 31 sena, ma nstabx ħati mill-Qorti li b’negliġenza u traskuraġni darab lil erba’ persuni, fosthom minuri, f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Lulju 2011 taħt is-Swar tal-Imdina.

Fil-każ kienu nvoluti tliet karozzi u kawża tal-inċident kienet tilfet ħajjitha waħda mill-persuni li weġġgħu, Renne Pelland (ritratt), Kanadiża ta’ 63 sena li kienet passiġġiera fil-karozza misjuqa minn żewġha Jean Guy Legendre.

Mal-Pulizija, ir-raġel tal-vittma kien iddikjara li dakinhar tal-inċident kien diżorjentat u saq fuq in-naħa l-oħra tat-triq għax ħaseb li kienet triq b’żewġ karreġġjati. Madankollu, hu ma kienx instab ħati mill-Qorti li kien responsabbli għall-inċident, li wassal għall-mewt ta’ martu.

Dwar l-akkużi fil-konfront ta’ Fenech, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud innutat id-dikjarazzjoni li kien ta Legendre, filwaqt li sostniet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ kontra Fenech. Sostniet li wara li nnutat ix-xhieda li ngħatat, ma rriżultax li l-aġir taż-żagħżugħ seta’ wassal għal dan l-inċident fatali.

Minbarra l-vittma, fl-inċident kien weġġa’ żewġha Jean Guy Legendre, kif ukoll Anthony Buhagiar u l-minuri Shanaia Buhagiar, li kienu passiġġieri fit-tielet karozza involuta.