Lokali Qorti

Multa ta’ €5,000 għal omm l-aħwa li nqabdu jsuqu taħt l-eta’

Omm iż-żewġt itfal li fl-aħħar xhur inqabdu jsuqu bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni kienet immultata €5,000.

It-tfal, wieħed ta’ 12-il sena u l-ieħor ta’ 16-il sena nqabdu jiksru l-liġi bejn Lulju tal-2015 u Marzu li għadda.

Fil-Qorti rriżulta li t-tnejn li huma nqabdu jsuqu f’ħames okkażjonijiet differenti karozza BMA u Volkwagen. Fil-Qorti ngħad ukoll li f’ċirkostanza minnhom iż-żewġt aħwa rrifjutaw li jwaqqfu l-karozza meta mitluba mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit u waqfu biss wara li l-pulizija ġrew warajhom bil-karozzi.

L-omm li għandha 40 sena mill-Belt u li għandha ħanut żgħir, wieġbet ħatja tal-akkużi li nġiebu kontriha, fosthom tliet akkużi relatati ma’ binha ta’ 13-il sena.

Hija kienet akkużata li ħalliet il-karozza tagħha tinstaq minn persuni bla liċenzja u li ma kinitx koperta b’polza tal-assigurazzjoni u li ttraskurat lil uliedhom. Hija kienet immultata multa ta’ €2,400 għal żewġ kontravenzjonijiet. F’każijiet oħrajn, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale mmultaha €50.

IL-Qorti rrifjutat it-talba tal-prosekuzzjoni biex tikkonfiska l-karozza u biex ikollha l-liċenzja tagħha sospiża. Il-Qorti qalet li riedet tagħtiha l-aħħar ċans. Fil-Qorti l-Maġistrat qalilha li darb’oħra ma kienx se jeżitha milli jikkonfiskalha l-vettura u jipprojbiha milli ssuq. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ammetta li saq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li ta dettalji foloz. Huwa wieġeb ukoll ħati li saq b’mod perikoluż. Il-Qorti tati l-aħħar ċans biex jirriforma lilu nnfisu.